Lokali

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-mutur

Is-Sibt għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Tul il-Kosta, in-Naxxar.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 26 sena residenti l-Gudja, sofra xi ġrieħi wara li għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-mutur BMW li kien qed isuq.

Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard kien iċċertifikat bi ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.

Il-Pulizija qiegħda tappella lill-pubbliku biex min għandu xi informazzjoni jew seta’ ra l-inċident iseħħ, jagħmel kuntatt mal-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21224001 u/jew 119, jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.