Lokali

STĦARRIĠ: Ikompli jonqos id-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi

Stħarriġ ieħor li ġie ppublikat fil-MaltaToday juri kif id-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi, jiġifieri l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, kompla jonqos biex issa jidher li l-Partit Laburista għandu favurih mad-9,000 vot biss.

Fl-iktar stħarriġ riċenti li kien ġie ppublikat fil-gazzetta ta’ The Sunday Times of Malta fid-29 ta’ Ottubru juri li d-distakk kien favur il-Partit Laburista bi 13,500 vot. Issa, dan id-distakk jidher li kompla jonqos sew.

Minn dawk li wieġbu fl-aħħar stħarriġ u għandhom intenzjoni li jivvutaw jirriżulta li 49% għandhom intenzjoni li jivvutaw lill-PL, 45.4% lill-PN, 5.6% lil partiti politiċi oħra. 30.5% jgħidu li jew ma jridux jgħidu lil min se jivvutaw jew inkella mhux se jivvutaw għall-ebda partit. Dan iġib it-total ta’ 69.5% ta’ persuni li se jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss.

Total ta’ 637 persuna għażlu li jwieġbu għal dan l-istħarriġ li sar bejn l-1 u d-9 ta’ Novembru.

Minn dan ħareġ li fil-maġġoranza jħossu li l-Budget għall-2024 kien wieħed negattiv [13%] jew iħossu li bih u mingħajru xorta [30.4%]. Dan filwaqt li meta wieħed jara l-istampa kollha, fil-maġġoranza ma jaqblux mat-tmexxija tal-Partit Laburista taħt Robert Abela.

Meta wieħed jagħti ħarsa lejn il-mexxejja politiċi, Robert Abela rebaħ il-fiduċja tal-pensjonanti, filwaqt li Bernard Grech żamm il-fiduċja tal-maġġoranza li għandhom bejn is-36 u l-50 sena. F’din l-aħħar kategorija, Bernard Grech żied minn 12% għal 20% filwaqt li Robert Abela naqas minn 37% għal 31%. Abela tilef ukoll il-fiduċja ta’ votanti iżgħar fl-età b’4 punti.

Fil-kategorija ta’ bejn 16 u 35 sena ma jafdaw lill-ebda mexxej ta’ partiti politiċi.

Jekk wieħed jieħu dan l-istħarriġ u jqabblu mal-aħħar elezzjoni ġenerali jinnota li l-Partit Nazzjonalista tilef 11,246 vot, bil-Partit Laburista tilef kważi 42,000 vot.

Dan l-istess stħarriġ juri kif 41% ta’ dawk li wieġbu li ma jafdaw lill-ebda partit politiku fil-Parlament biex imexxi lill-pajjiżna u l-ekonomija ‘l quddiem.