Futbol Sport

Thomas Bach jgħid l-KOI mhux jikkonsidra li jikkanċella l-Olimpjadi ta’ Pariġi

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach qal li mhux qed jikkonsidra li jikkanċella l-Olimpjadi ta’ Pariġi li se jsiru s-sena d-dieħla minħabba l-kunflitti li għaddejin bħalissa fir-Russja u l-Ukrajna kif ukoll bejn l-Iżrael u l-Palestina. L-Olimpjadi, fl-istorja tħassru tliet darbiet fl-1916,1940 u l-1944 minħabba l-gwerra.

Bach stqarr li bħalissa madwar id-dinja għaddeja tensjoni politika qawwija iżda jkun żball jekk jitħassru l-Olimpjadi minħabba dan. Hu kompla jgħid li minkejja s-sitwazzjonijiet politiċi matul is-snin, l-atleti xorta waħda rrapreżentaw il-pajjiżi li fihom kien għaddej id-diżgwit.

Fil-passat il-President tal-KOI qal li l-atleti m’għandhomx ikunu huma li jbagħtu l-konsegwenzi tal-atti li jagħmlu l-mexxeja tal-pajjiżi li jirrapreżentaw iżda ammetta li kellu dilemma fis-sitwazzjoni tal-atleti Russi u dawk mill-Belarus li se jkunu qed jikkompetu bħala indipendenti fl-Olimpjadi ta’ Pariġi.

Bach qal ukoll li dan se jkunu l-aħħar terminu tiegħu bħala President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u m’għandu l-ebda ħsieb li jġedded wara l-2025.