Malta bħall-kumplament tal-pajjiżi tal-Commonwealth, iċċelebrat ‘Jum it-Tifkira’ – il-ġurnata li fiha tfakkret il-memorja tal-vittmi tal-gwerer.

Iċ-ċerimonja uffiċjali f’pajjiżna saret quddiem il-monument tal-gwerra fil-Floriana, bis-sehem tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-għola awtoritajiet tal-pajjiż – fosthom il-President Vella, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.


Aktar kmieni, l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt għall-okkażjoni ta’ Jum it-Tifkira.

L-Arċisqof fakkar il-memorja tal-vittmi taż-żewġ gwerer dinjija, kif ukoll fil-vittmi tal-kunflitti li għaddejin bħalissa.
B’referenza għas-silta mill-Evanġelu li nqrat, l-Arċisqof semma kif aħna kollha kemm aħna aħwa ta’ xulxin. Hu semma li huwa importanti li aħna niftakru f’dak li ġara fil-passat, u niftakru fil-vittmi tal-kunflitti kollha – inkuż l-eluf ta’ vittmi fil-kunflitti li għaddejjin bħalissa.
Semma wkoll il-vittmi f’Gaza u Iżrael, u li għandna bżonn nikkundannaw kull min qed jikkawża imwiet bla bżonn.
L-Arċisqof semma’ kif huma l-politiċi illi jridu jagħmlu li jistgħu sabiex iwaqqfu l-kunflitti li qed naraw quddiem għajnejna.
Wara l-omelija, l-Arċisqof waqaf għal minuta silenzju biex ifakkar il-memorja tal-vittmi kollha ta’ kull kunflitt. Preżenti fil-Konkatidral kien hemm bosta personalitajiet distinti, kif ukoll deputati miż-żewġ naħat tal-kamra.
