Aġent li jġib Malta l-barranin tressaq il-Qorti l-Ħadd akkużat li allegatament qarraq b’madwar 280 ċittadin ta’ pajjiżi terzi biex iħallsuh għal kuntratt ta’ xogħol f’Malta li qatt ma seħħ. Il-Pulizija tal-immigrazzjoni ressqet akkużi kontra Jonathan James Borg ta’ 42 sena minn Ħal Balzan fuq racket li permezz tiegħu daħlu Malta l-ħaddiema barranin l-aktar Indjani mħajjarin minn wegħdiet ta’ xogħol u akkomodazzjoni.
It-tamiet tagħhom li dan kollu jseħħ intemmu ladarba waslu fid-destinazzjoni tagħhom. Kollox ġie żvealt meta l-employer ta’ Borg fil-kumpanija fejn kien jaħdem bħala accountant beda jirċievi telefonati minn barranin jilmentaw li ma żammx il-wegħda tiegħu li jipprovdilhom impjieg u akkomodazzjoni adegwata f’Malta.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kienu waslu Malta bis-saħħa ta’ dokumenti foloz tal-ivvjaġġar u tal-impjieg. Dawk id-dokumenti ġew rintraċċati għal Borg. Kull wieħed mill-immigranti allegatament ħallas madwar €4,000 biss biex spiċċa bla xogħol u mkien fejn imur.
Borg wieġeb mhux ħati li kien involut f’konfoffa ta’ traffikar ta’ bnedmin għal gwadann personali, li għen ħaddiema barranin biex jidħlu Malta bi ksur tal-liġijiet dwar l-immigrazzjoni, użu mhux awtorizzat ta’ data elettronika, tbagħbis ta’ tali data, software jew dokumentazzjoni kif ukoll frodi ta’ dokumenti.
Huwa kien mixli wkoll li kiser ordni ta’ sekwestru maħruġa f’termini ta’ leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus u li allegatament wettaq dawn ir-reati waqt li kien taħt żewġ sentenzi sospiżi mogħtija fl-2019. Huwa kien akkużat ukoll li sar reċidiv.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal talba għal libertà proviżorja minħabba li xhieda ċivili għad iridu jixhdu u l-akkużat kiser ordnijiet preċedenti tal-qortt. Hi rrimarkat ukoll li t-traċċar tal-indirizz tal-akkużat ttardja l-investigazzjonijiet. F’każ preċedenti, Borg kien semma l-indirizz tal-ġenituri tiegħu.
Imma kien ovvju li ma kienx jgħix hemm. L-indirizz attwali tiegħu ġie rintraċċat mill-pulizija permezz ta’ app għall-kunsinna tal-ikel. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi qieset lill-imputat mhux ta’ min jafdah biżżejjed u anke minħabba li għad iridu jixhdu diversi xhieda.
Il-Qorti laqgħet talba għal ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha tal-akkużat. L-avukat tal-AĠ Nathaniel Falzon u l-Ispettur Karl Roberts mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Ezekiel Psaila kien l-avukat difensur. L-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jirrappreżentaw lill-kumpanija.