Lokali Qorti

Akkużat li kważi qatel lil sieħbu b’sejf waqt sitt ijiem konsum ta’ kokaina

Raġel ta’ 33 sena ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi fuq sieħbu u li kważi qatlu b’sejf, waqt li kien ilu għal sitt ijiem sħaħ jiġbed il-kokaina, u qal lill-pulizija li “ħaseb li l-vittma sieħbu kienet ix-xitan.” Josef Grech minn Bormla ġie mixli li għal ħabta tad-9:15 ta’ nhar is-Sibt, 11 ta’ Novembru, weġġa’ gravi raġel ieħor fi Triq il-Madonna tal-Grazzja f’Bormla.

Grech kien mixli wkoll li attakka u hedded lir-raġel, kif ukoll li sar reċediv. Grech, li qal lill-Qorti li hu bla xogħol, iddikjara li ma kienx jaf l-indirizz tiegħu stess. F’ismu ddaħħlet allegazzjoni mhux ħati mill-avukati tiegħu.

L-Ispettur Paul Camilleri qal li nhar is-Sibt mar raġel l-għassa ta’ Bormla bid-demm ħiereġ minn driegħu u viżibilment ixxokkjat. Huwa qal lill-pulizija li kien qed jieħu kokaina mal-imputat li f’ħin minnhom sar paranojku u attakkah b’sejf.

Il-vittma ttieħed l-isptar fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jmut. L-uffiċjali tal-pulizija marru wkoll jarrestaw lil Grech, u sabuh bilqiegħda fuq l-għatba tad-dar tiegħu. Huwa qal lill-pulizija li kien qed jara lill-vittma forma ta’ xitan. “Hsibtu x-xitan, hsibtu x-xitan.” beda jgħid l-akkużat meta kien arrestat.

Grech, li deher li kien intossikat ħafna, ittieħed l-isptar għall-osservazzjoni. Meta nħeles għall-interrogazzjoni, huwa għażel li ma jwieġebx għall-mistoqsijiet. Mistoqsi mill-avukat difensur Franco Debono jekk sarux rapporti ta’ tossikoloġija, l-ispettur wieġeb li le għax l-imputat ma setax jagħti l-kunsens minħabba l-istat mentali tiegħu.

Il-Pulizija fit-tfittxija tagħha fid-dar tiegħu sabet numru ta’ oġġetti użati għall-konsum tad-droga fid-dar tiegħu. Huwa kien ilu jikkunsma d-droga għal sitt ijiem dritti, żied jgħid l-avukat. Debono sostna li dan kien każ ta’ intossikazzjoni, iżda qal lill-Qorti li se jitratta din il-kwistjoni fi stadju aktar tard.

Id-difiża talbet li jsiru testijiet tossikoloġiċi, jekk ma jkunux diġà saru l-isptar, fejn iddikjarat li l-imputat kien qed jagħti l-kunsens tiegħu biex dan iseħħ, retroattivament jekk ikun meħtieġ. L-Ispettur Camilleri informa lill-Qorti li għaddejja wkoll inkjesta maġisterjali dwar l-inċident, hekk kif il-vittma kien ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu. Għadu ma ġiex interrogat, ingħad lill-Qorti.

L-avukati ta’ Grech talbu l-libertà proviżorja għall-klijent tagħhom, li kienet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni għal raġunijiet relatati mal-preservazzjoni tal-provi tax-xhieda u l-fatt li huwa diġà kellu kundanna.

Id-difiża tiegħu wieġbet għall-oġġezzjonijiet, u rrimarkat li l-unika kundanna oħra tar-raġel kienet għal reat tat-traffiku mhux vjolenti. Il-vittma kienet qed tiġi kkurata l-isptar, qalu l-avukati, filwaqt li argumentaw li wieħed ma jistax sempliċiment jidħol u jitkellem man-nies hemmhekk.

“Dan huwa każ fejn il-klijent tagħna kien ilu jikkonsma sustanza għal perjodu ta’ żmien pjuttost twil u ġara dak li ġara,” qal Dr. Debono. Huwa talab li l-imputat ikun assistit biex jegħleb il-problemi tad-droga tiegħu, u jissuġġerixxi sorveljanza tal-bail jew “electronic tagging”, li qal li sa fl-aħħar jinsab “finalment viċin li jiġi introdott, 18-il sena wara li kont ipproponaha jien għall-ewwel darba”.

Il-Prosekutur Cynthia Tomasuolo mill-uffiuċċju tal-Avukat Ġenerali rrimarkat li l-vittma kienet għadha ma ġietx mitkellma mill-pulizija jew fil-qorti u li kien hemm riskju li l-imputat jista’ jerġa’ jikkunsma d-droga waqt li jkun bil-bail.

L-ispettur żied jgħid li kien hemm il-biża’ li jerġa’ jagħmel reati minħabba li l-pulizija tirċievi bosta rapporti dwar reati ta’ droga mill-inħawi fejn joqgħod l-imputat. “Irridu li jinħareġ minn dak l-ambjent. Irid jibdel ħajtu u jaqta’ l-vizzju – imma jidher wisq dgħajjef.”

Il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja f’dan l-istadju, wara li qieset in-natura tar-reat u l-fatt li l-vittma kienet għadha ma xehditx, flimkien mal-kwistjonijiet ta’ dipendenza fuq id-droga tal-akkużat. Il-Maġistrat poġġewh ukoll taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja,

Fuq talba tal-prosekuzzjoni, inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni peress li l-imputat u l-vittma kienu jafu sew lil xulxin u l-familji ta’ xulxin kienu jafu lil xulxin sew. L-Ispettur Paul Camilleri kien assistit mill-prosekutur Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri assistew lil Grech.