Lokali

bBrave tħabbar il-Ġimgħa Nazzjonali Kontra l-Bullying

bBrave qiegħdha tniedi l-ġimgħa nazzjonali kontra l-bullying għal din is-sena, li ser tkun qed issir bejn it-13 u d-19 ta’ Novembru bit-tema MAKE A NOISE ABOUT BULLYING; bil-ħsieb li jikkumbattu l-bullying billi jitkellmu aktar dwaru u d-diffikultajiet li joħloq.

Huma xtaqu jfakkru lil kulħadd li għandna responsabbiltà li nitkellmu dwar dan is-suġġett u ngħinu lil xulxin. Mument ta’ kuraġġ jista’ isalva ħajja. Matul din il-ġimgħa qed iħeġġu lil kulħadd biex joħolqu konverżazzjoni dwar xi jfisser bullying għalina u kif nistgħu inwaqqfuh.

Il-Fundatur u Segretarju Ġenerali ta’ bBrave, Aaron Zammit Apap, stqarr li “t-tema ta’ din is-sena taqbel perfettament mal-missjoni ta’ bBrave – dik li noħolqu għarfien u nitkellmu dwar bullying. Make a noise about bullying hu messaġġ ta’ inkoraġġiment għal min qed jesperjenza bullying jew jarah jiġri. Kunu kuraġġuzi, u jekk taraw imġieba ħazina, tkellmu!”

bBrave għadha kemm ippubblikat ir-rizultati ta’ studju fuq livell nazzjonali ikkummissjonat lil PwC biex neżaminaw il-bullying u l-eskluzjoni fuq il-post tax-xogħol f’Malta. Il-bullying m’għandux eta’. Hija sfida li naffaċċjaw l-iskola, d-dar, fuq il-post tax-xogħol u anka onlajn – kuljum. Għalhekk, bBrave qiegħdha tistieden lil kulħadd biex jisfida l-bullying waqt il-kampanja ta’ din is-sena, jingħaqdu ma’ bBrave u jxerrdu l-messaġġ.

Kull min jixtieq jikkuntattja lil bBrave jista’ jkellem lil Amanda Lia permezz ta’ email fuq
pro@bbrave.org.mt.