Bernice Bonello, PN
Id-deputat Nazzjonalista Bernice Bonello qalet fil-parlament li dan kien budget bla proposti għaż-żgħażagħ u sostniet li 70% taż-żgħażagħ mhux jaraw skop li jibqgħu fil-pajjiż. Il-gvern naqas li jindirizza l-edukazzjoni, l-għoli tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja.
Hi qalet li l-gvern ħass li l-istipendji kellu jiżdied b’16-il ċenteżmu kuljum meta kulħadd jaf kemm din iż-żieda mhix reali u mhix ġusta quddiem l-għoli tal-ħajja. Huma biss ftit dawk il-masters fejn jingħata stipendju.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-istudenti li jaħdmu iktar minn 25 siegħa ma jingħatawx stipendju; din hi inġustizzja. L-istipendju mhuwiex biżżejjed biex l-istudenti jlaħħqu mal-ħajja u għalhekk ikollhom jagħmlu xogħol ieħor. Il-gvern qed jikkastiga lil dawn l-istudenti.
Bernice Bonello qalet li gvern Nazzjonalista qatt ma emmen fil-kwoti u għalhekk wara l-1987 l-università infetħet għal kulħadd. L-istipendju għandu jinfetaħ għal kulħadd ħlief għal dawk li huma sponsorjati.
Hi appellat biex ikun hemm iktar lezzjonijiet online għaliex din ikollha effetti fuq it-traffiku u pproponiet li jkun hemm numru ta’ lezzjonijiet online u oħrajn fl-istituzzjonijiet edukattivi. Dan jgħodd ukoll għall-eżamijiet. Hemm diversi modi kif ikun assigurat li ma kunx hemm abbużi fl-eżamijiet.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern għandu r-responsabbiltà li jara li l-istudenti ma jaqgħux lura. Fil-budget hemm nuqqas ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Dwar il-kwalità tal-ħajja, id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern mhux itejjeb is-saħħa mentali, ma nvestiex biżżejjed fl-ambjent, m’hemmx proposti dwar ir-remote working u m’hemmx inizjattvi ta’ terapija fl-iskejjel.
L-għoli tal-ħajja qed jeffettwa bil-kbir liż-żgħażagħ li lanqas jistgħu jixtru propjetà minħabba l-prezzijiet enormi li ma jistgħux jintlaħqu minnhom. Fil-fatt jeħtieġ li tingħata għajnuna liż-żgħażagħ li jkunu ħarġu mill-iskola biex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom. Ħafna studenti qed jieqfu mill-iskola biex imorru jaħdmu.
Bernice Bonello qalet li hemm sfidi kbar fil-volontarjat u sostniet li ż-żgħażagħ qed ikunu effettwati fis-settur kollha u għalhekk jeħtieġ deċiżjonijiet ħolistiċi.