Toni Bezzina, PN
Għall-gvern Laburista, fl-ambjent, bejn il-kliem u l-fatti, hemm baħar jikkumbatti.
Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina meta kien qed jitkellem fil-parlament.
Toni Bezzina qal li għalkemm in-new water kellu jkun tama ġdida għall-bdiewa u r-raħħala fid-dawl tan-nixfa u nuqqas ta’ xita li qed tolqot lil pajjiżna, il-provvista ta’ dan l-ilma min-naħa tal-Gvern ma laħqitx l-aspettativa tagħhom.
Dan għaliex l-ammont ta’ lokalitajiet li qed jintlaħqu bin-network tan-new water huwa ftit wisq komparat mad-domanda li hawn għalih. Dan barra l-fatt illi l-kapaċità tal-polishing plants hija baxxa wisq biex tlaħħaq mad-domanda.
Dan qed iwassal biex ħafna wċuh tar-raba’ qed imutu bil-għatx. Għalkemm intefqu l-miljuni ta’ euro minn fondi tal-Unjoni Ewropea biex in-new water jitwassal lil kull bidwi fl-ammonti neċessarji, dan ma sarx. Anzi, il-gvern spiċċa jipposponi minn sena għall-oħra meta dan is-servizz tant importanti se jitwassal għand il-bdiewa.
Problema oħra relatata man-new water huwa n-nuqqas ta’ ppjanar minn fejn se jghaddi dan in-network. Toroq sħaħ li għadhom kemm ingħataw it-tarmak bi spiza ta’ miljuni ta’ euro, se jerġgħu jinqalgħu mill-ġdid biex ikun jista jgħaddi n-network tan-new water, każ tipiku huwa fiż-Żurrieq.
It-trade mark ta’ dan il-gvern hi n-nuqqas ta’ ippjanar u koordinazjoni fejn tidħol infrastruttura ta’ taħt wiċċ t-triq, n-network tal-potable water, in-network tal-main sewer kif wkoll in-network tal-power supply.
Toni Bezzina qal li ghalkemm ilu jitkellem fil-parlament għal kwazi 12-il sena fuq il-bżonn ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi ministeri li taħthom taqa’ r-responsabbiltà ta’ dawn s-servizzi mportanti kif wkoll il-ministru responsabbli mit-toroq ta’ pajjiżna, dan mhux isir.
Biż-żieda allarmanti tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna minn meta il-PL tela’ fil-gvern, l-ammont ta’ postijiet ta’ residenza kellu jiżdied wkoll. Fejn qabel triq tkun iffurmata minn 20 terraced house, illum dawn it-terraced houses inbidlu fi blokkok ta’ 5 appartamenti kull waħda.
Mela jekk qabel fi triq kienu jinqdew 80 persuna mis-servizzi tal-ilma, dranaġġ u dawl, issa jridu jinqdew 400 persuna, żieda ta’ 500%. Inutli l-gvern jipprova jbellagħha lill-poplu li il-qtuh ta’ dawl is-sajf li għadda huwa riżultat li t-triq saħnet bix-xemx u għalhekk din saħħnet il-cables u nqatgħu, ir-realtà hi li minħabba nuqqas ta’ rinnovar tal-cables tad-dawl tul dawn l-aħħar 12-il sena, dawn mhux ilaħħqu maż-żieda fid-domanda tad-dawl minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni ta’ Malta.
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li għalkemm qed ngħixu fis-seklu 21, Wied iż-Żurrieq għadu bla dranaġġ. Għalkemm Wied iż-Żurrieq hu l-uniku villaġġ purament turistiku, b’għexieren ta’ ħwienet, dawn għadhom jinqdew bil-fossa. Wasal iż-żmien li l-gvern jinvesti f’rising main għal Wied iż-Żurrieq.
Dwar l-Ambjent, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li filwaqt li l-gvern jiftaħar li ser jonfoq mas-€700 miljun fi spazji miftuħa, fl-istess nifs l-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li tirrakomanda li tapprova impjant tat-tarmak f’barriera fl-Imqabba. Skond l-Awtorità tal-Ippjanar, barrieri li jiċċirkondaw l-Imqabba huma ideali biex jinbidlu f’żona industrijali b’ detriment għar-residenti tal-Imqabba u residenti tal-irħula tal-madwar bħal dawk tal-Qrendi, iż-Żurrieq, Ħal Safi, Ħal Kirkop u s-Siġġiewi.
F’Birzebbuga wkoll intilfet opportunità oħra fejn art tal-gvern ta’ kobor sostanzjali, fejn qabel kien hemm il-Qajjenza LPG Plant, minflok ingħatat lura lir-residenti Birzebbugin bħala spazju miftuħ u post ta’ rikreazzjoni, se tispiċċa għand il-privat biex jinbnew diversi blokok ta’ appartamenti li jlaħħqu sa tmien sulari gholi f’żona fejn il-bini mhux suppost jeċċedi l-erba’ sulari.