Ambjent Għawdex Lokali

Il-flats li jagħtu għal fuq il-Ġgantija deskritti bħala “deċiżjoni orribbli”

B’ittri kbar, il-gazzetta “The Times” ta’ Londra ddeskriviet il-proġett biswit it-tempji megalitiċi tal-Ġgantija bil-frażi “orribbli”. Dan wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ blokka appartamenti, ftit metri biss ‘il bogħod mit-tempji.

It-Times tal-Ingilterra fakkret li l-Ġgantija hija l-eqdem binja fid-dinja, u li għadha protetta mill-UNESCO.

Il-ġimgħa li għaddiet l-Awtorità tal-Ippjanar approvat applikazzjoni biex tittella’ din il-blokka ta’ 22 appartament u 20 garaxx f’zona opposta għat-tempji tal-Ġgantija, fi Triq il-Parsott.

Is-sit jinsab 200 metru ‘l bogħod mill-Ġgantija, li bħalissa hemm bini ta’ żewġ sulari.

Din l-applikazzjoni kienet ġiet rrakkomandata għall-approvazzjoni, minkejja li s-sit fil-buffer zone tal-Ġgantija UNESCO World Heritage Site, diġà jinsab mifni f’kontroversja u pożizzjonijiet dubjużi min-naħa tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.