Mark Anthony Sammut, PN
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li l-gvern falla f’ħafna miri ambjentali u fl-enerġija li fassal.
Fil-parlament Mark Anthony Sammut qal li jekk kien hemm bżonn prova li dan il-gvern għejja u li ma baqagħlux enerġija jmexxi, kienet dan il-budget. Dan hu gvern li tant hu mifni bi ġlied intern, tant hu mhedi jipprova jgħatti l-ħmieġ ta’ skandli li qed jinkixfu kuljum, li ma jistax jindirizza l-problemi li ħafna minnhom ħoloqhom hu stess.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-popolazzjoni esaġerata, l-għoli tal-ħajja, it-traffiku, il-ħmieġ, in-nuqqas ta’ spazju, il-kollass tal-infrastruttura, l-abbużi fl-iżvilupp huma l-problemi li ħoloq il-gvern u li ma qal xejn dwarhom. Anzi dan hu budget li wera li dan il-gvern m’għandux viżjoni ħlief li jkompli għaddej kif inhu, bl-istess politika u bl-istess mudell ekonomiku li kien għaddej bih s’issa.
Id-deputat Nazzjonlista qal li hi gidba tal-gvern li qal li kieku hawn il-Partit Nazzjonalista fil-gvern iwaqqaf is-sussidji tal-enerġija. Hi gidba tal-Prim Ministru, li qal li l-Partit Nazzjonalista għamillu xi bsaten fir-roti biex jikseb fondi għal hydrogen-ready pipeline. Hi gidba tal-Prim Ministru li qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li fl-enerġija jħalli s-suq isuq. Hi gidba tal-Prim Ministru li qal li l-Partit Nazzjonalista qatt qal li jrid jipprivatizzaw l-Enemalta.
Il-fatti huma li l-unika gvern li pprivatizza l-Enemalta kien il-Gvern Laburista, li pprivatizza terz tal-Enemalta lis-Shanghai Electric u magħha pprivatizza terz ta’ kull infrastruttura li għandna, tan-network ta’ distribuzzjoni, tas-substations, tad-distribution centres, tal-Interconnector stess u tal-link mal-Grid Ewropew.
Biex għamel dan il-PN daħak bin-nies. Fil-presentation li kienu għamlu qabel l-elezzjoni tal-2013, kienu qalu li bil-power station tal-gass tant ħa jkunu frankati flus li jitħallas lura d-dejn tal-Enemalta u tibqa tal-poplu Malti.
Mhux biss kien il-gvern Laburista l-unika gvern li pprivatizza l-Enemalta, imma wkoll l-unika gvern li pprivatizza s-sorsi ta’ ġenerazzjoni, li biegħ il-power station ta’ Delimara 3 u tal-power station tal- BWSC li biegħuha lis-Shanghai Electric ukoll; li llum għandhom monopolju fuq il-qafas kollu tal-enerġija Malti.
Mark Anthony Sammut qal li l-PN, jemmen li wara li jissaħħaħ ir-regolatur, jsir tisħiħ tan-network u tal-infrastruttura, għandu jinfetaħ l-aċċess għan-network ta’ distribuzzjoni u jkun liberalizzat. Dan ma jfissirx li tipprivatizza, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li dan qalitu għal aktar minn darba l-Kamra tal-Kummerċ. Ma jfissirx lanqas li s-suq isuq, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li għalhekk l-ewwel proposti tal-PN huma immirati biex jissaħħaħ ir-regolatur.
Ma jfissirx lanqas li l-gvern ma jissussidjax fejn iħoss il-ħtieġa. Nagħmluha diġa, anke f’dan il-budget stess nagħmluha. Għandna swieq li huma diġà liberalizzati bħal-LPG (ċilindri tal-gass), bħall-fuels, il-petrol u d-diesel u kollha nissussidjawhom, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Hu qal li l-gvern stess jiftaħar li jissussidjhom u kompla li issa r-realta hi li dan il-pass, għada pitgħada, se jkollu jsir; u dan il-Gvern jafu.
Filwaqt li hawn jbeżżgħu lin-nies, fid-dokumenti tekniċi li jippubblika l-gvern stess, ftit ġimgħat ilu, dwar il-konsultazzjoni fuq l-offshore renewables, jgħidu mod ieħor, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kkwota minn paġna 38, fejn fl-ewwel sentenza ngħad: ‘Since Malta does not have a liquid wholesale electricity market yet’. “Yet. Għalissa. Għax il-gvern jaf li d-deroga mhux għal dejjem. Jekk hux tliet snin oħra jew 11-il sena oħra. Nafu li ħa tispiċċa. F’dokument tgħidu li din hija xi ħaġa li teżisti biss għalissa u bil-paroli tippruvaw tbeżżgħu n-nies minnha”, sostna Mark Anthony Sammut.
Hu tkellem dwar in-network tad-distribuzzjoni u qal li l-ewwel il-gvern traskurah, imbagħad xħin krolla kollox, tefa’ pajjiż, u ħalla lil ħafna nies għal ġimgħatejn fid-dlam, fis-sħana, fit-tbatija, jġarrbu l-ispejjeż, jarmu l-ikel, f’ansjeta, imbagħad ħolom li hemm bżonn jsir investiment.
Il-PN iħares fit-tul bi pjan ċar ta’ x’irid isir fl-enerġija biex finalment in-nies ikunu jistgħu jserrħu moħħhom li għandhom servizz tal-elettriku stabbli, reżiljenti, bil-vultaġġ kif suppost u li meta jiġu bżonnu jsibuh.
Il-PN jemmen li Malta tista’ issir renewable energy hub f’nofs il-Mediterran, bil-potenzjal tar-riħ, il-baħar u x-xemx li għandna. “Nistgħu nsiru ċentru ta’ riċerka f’dawn it-teknoloġija, ta’ ġenerazzjoni u forsi anke ta’ manutenzjoni, b’ħolqien ta’ eluf ta’ green jobs u miljuni ta’ investiment dirett barrani. Dik il-ħolma tagħna u konvint li nistgħu nwettquha”, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Il-gvern għadu ma ppreżentax il-pjan dwar il-network dwar id-distribuzzjoni, sostna d-deputat nazzjonalista li kompla li l-PN jemmen fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi biex meta jiġi biex jingħata kumpens l-konsumaturi ma jkunx tallaba.
Wieħed irid jiftakar li l-mira tal-gvern, imħabbra mill-Ministru Miriam Dalli stess fl-istrateġija Viżjoni ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli, kienet li sal-2030 jkun hawn 65,000 karozza elettrika fit-toroq. Sa Awissu li għadda, l-aħħar statistika li għandna, kien hawn 7,300 karozza elettrika. Ferm ‘il bogħod mill-mira.
“Għadna ‘l bogħod ħafna milli nlestu l-grid, in-network, għal dawn il-karozzi kollha jikkunsmaw l-elettriku biex jiċċarġjaw ruħhom. Għadna ‘l bogħod ħafna milli jkollna l-infrastruttura meħtieġa ta’ charging points biex taqdi lil dawn il-karozzi, speċjalment għal dawk li ma jkollhomx il-garaxx tagħhom fejn jistgħu jiċċarġjaw il-vettura tagħhom”, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Hu qal li għad għandna biss 372 charging point, skont dak li jgħid il-budget, meta suppost huwa good practice li jkollok charging points daqs 10% tal-flotta tal-karozzi. Suppost hawn tal-inqas 730 charging point biex jaqdu l-karozzi li hawn. Bil-mira li għandu l-gvern ta’ 65,000 karozza elettrika, suppost ikun hawn 6,500 charging point sal-2030. Apparti minn hekk, sal-2030 se jieqfu jkunu importati l-karozzi li jaħdmu bil-fuels. L-unika mira li hija ta’ 1,200 charging point; li għad ma beda jidher xejn minnhom.
Fl-2022, il-gvern qal li fit-tliet snin li ġejjin se jkunu installati madwar 1,200 charging point. Fl-2023 il-gvern qal li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq 1,200 punt ieħor tal-iċċarġjar sal-2024 mat-340 li diġa hemm.
Għall-2024 l-gvern qal li għaddej ix-xogħol biex il-pajjiż ikollu 1,200 punt tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi iżda sal-lum, il-Gvern investa biss f’372 punt tal-iċċarġjar pubbliku.
“Kulma nbidel f’sena, żidna 32 charging point mis-6,000 li suppost żdiedu sa 7 snin oħra. Il-gvern telaq id-deadline; b’din ir-rata rridu 200 sena biex nagħmluhom is-6,000 charging point”, sostna Mark Anthony Sammut.
Dwar is-sussidju tal-enerġija d-deputat Nazzjonalista qal li tajjeb li l-gvern jissussidja l-kontijiet tal-enerġija. Importanti anzi, għax ir-rata ta’ inflazzjoni hi ogħlja meta qed ikun hemm sussidju fuq l-enerġija aħseb u ara kieku m’hemmx. Dan juri li l-inflazzjoni mhijiex ikkawżata mill-kriżi tal-enerġija imma minn fatturi oħra li ġab b’idejh il-gvern, fosthom iż-żieda fil-popolazzjoni u d-deficits kbar li qed jagħmel.
Infatti kif ikkalma l-prezz tal-gass u niżel, ħafna pajjiżi oħra raw l-inflazzjoni niżla. Imma mhux Malta għaleix baqgħet bl-istess rata ta’ inflazzjoni.
Hu qal li l-poplu għandu dritt ikunu jaf dawn għand min qed imorru. Il-kważi €300 miljun ta din is-sena, u €320 miljun ieħor is-sena d-dieħla, min qed jeħodhom? Kemm minnhom qed imorru għand l-Electrogas għall-elettriku li tixtri l-Enemalta? Kemm minnhom qed imorru għand l-Electrogas għall-gas li tixtri mingħandha l-Enemalta? Kemm minnhom qed imorru għand is-Shangha Electric għall-elettriku li tixtri mingħandha l-Enemalta? Kemm minnhom qed imorru għall-elettriku li jinxtara mill-grid Ewropew? Kemm minnhom tħallsu żejda minħabba l-hedging li kienet ħabbret il-Ministru Dalli, fejn rabtet il-prezz tal-gass li tixtri l-Electrogas mal-prezz taż-żejt, biex imbagħad ftit wara l-prezz tal-gass issabbat ‘l isfel u l-prezz taż-żejt baqa’ ‘l fuq?
M’għandux dritt il-poplu jkun jaf min fil-verità qed jitħallas minn dawn is-sussidji li finalment, qed joħorġu mit-taxxi ? Ma għandux dritt il-poplu jkun jaf b’liema prezz l-Enemalta qed tixtri l-elettriku mingħand l-Electrogas, b’liema prezz qed tixtri l-gass mingħand l-electrogas, b’liema prezz qiegħda mbagħad tbiegħ il-gass lis-Shanghai u b’liema prezz qiegħda tixtri l-elettriku mingħand is-Shanghai?
“Għax ħloqtu għanqbuta sħiħa fl-Enerġija, u trasparenza zero. Dejjem bl-iskuża ta sensittivita kummerċjali. Ara x’hemm sensittiv fil-prezz li biegħ tkun inxtara l-elettriku jew il-gass, fil-passat, meta l-prezzijiet tagħhom dawn jiġu auctioned fil-miftuħ kuljum? Biex imbagħad jiġi l-Ministru u jgħid li qed niffrankaw daqshekk mijiet, jew daqshekk eluf, mill-kontijiet tad-dawl. Mur merieh. Kif wasal għaliha l-figura? B’liema prezzijiet? Ħadd ma jista’ jiskrutinizzah, imerieh, jew jikkonferma hux jikkalkula sew, għax kollox moħbi”, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Hu qal li l-gvern ma jridx li jinfetaħ is-suq għax il-gvern ikollu jdaħħal trasparenza fl-enerġija kif hemm f’pajjiżi oħra. Fejn jaraw it-trasparenza, jitwerwru!
Id-deputat Nazzjonalista kompla li s s-sena l-oħra l-budget allokat għal dawn is-sussidji kien ta’ €580 miljun. Sal-aħħar tas-sena se jkun stmat li kien hemm bżonn jintużaw biss minnhom €270. Jiġifieri frankajna €310 miljuni. X’sar minnhom dawk it-€310 miljuni? Għax in-nefqa għal din is-sena xorta se tibqa’ €6.9 biljun kif kienet approvata u ma tjibitx bi €300 miljun. Fejn marru?
Hu kompla li dawn intefqu, għax id-deficit xorta ġie kif kien proġettat. Imma flok intefqu f’aktar tħanżir bejniethom u l-erba’ tal-klikka, dawn it-€300 miljun li kien hemm allokati għas-sussidji, la kienu frankati għax il-prezzijiet stabilizzaw, setgħu kienu investiti f’enerġija rinovabbli.
Mark Anthony Sammut qal li l-Ministru tal-Finanzi qal li dan il-gvern qed iwieżen ħafna iżjed mill-gvern tal-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi 13-il sena ilu. Dakinhar, il-prezz tal-petrol kien €1.27 waqt li d-diesel kien €1.15. Iż-żejt dakinhar kien jaqbeż il-100 dollaru l-barmil, ġieli laħaq il-140 dollaru l-barmil. Illum il-prezz taż-żejt qiegħed xi 80 dollaru l-barmil. Apparti s-sena l-oħra, fejn mess il-100 dollaru għal ftit żmien, fit-8 snin ta’ qabel kien jilghab mal-50 u s-60 dollaru l-barmil. In-nofs bħala medja ta’ x’kien 13-il sena ilu.
Il-prezz tal-petrol u d-diesel illum u f’dawn is-snin li għaddew, kien €1.34 u €1.21; il-petrol 7c ogħla kull litru u d-diesel 6c ogħla kull litru. “Mela jekk qed twieżnu llum, kemm aktar kien qed iwieżen dakinhar il-Gvern Nazzjonalista, meta dawn kienu żammhom orħos mil-lum anke meta ż-żejt kien ħafna u ħafna ogħla!”, sostna Mark Anthony Sammut.
Hu qal li dan hu l-unika gvern li nstab ħati mill-Qorti li qed jisraq lin-nies mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li tefa’ pajjiż u ħallieh fid-dlam u s-sħana għal ħmistax sħaħ, li instab ħati mill-ogħla Qorti li kienf’kollużjoni, f’konfoffa, mal-barranin biex ikun frodat il poplu Malti u Għawdxi u l-unika gvern li nstab ħati li kien kompliċi ta’ assassinju ta’ ġurnalista.