Lokali Parlament

Il-gvern isib flus għall-korruzzjoni iżda mhux għall-edukazzjoni


Charles Azzopardi, PN


Id-deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi qal fil-parlament li l-gvern isib flus għall-korruzzjoni iżda mhux għall-edukazzjoni.


Charles Azzoaprdi qal li l-gvern bena l-politika tiegħu fuq il-korruzzjoni u fuq it-tafal bla ma investa fuq l-istudenti biex il-pajjiż ikollu studenti kapaċi u ta’ kwalità.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN jagħti prijorità lill-edukazzjoni u jemmen f’għajnuna lill-istudenti fil-livelli kollha biex l-istudenti jisru rġiel u nisa ta’ kwalità.


Charles Azzopardi qal li fi żmien gvern Nazzjonalista, il-pajjiż kien miexi tajjeb għaliex kien hemm viżjoni b’saħħitha u tajba u żied li l-akbar taxxa hi t-taxxa tal-korruzzjoni li titħallas kuljum. Kemm seta’ jsir iktar fl-edukazzjoni bl-€400 miljun li ngħataw Vitals u Steward!


Id-deputat Nazzjonalista kompla li hawn problema ta’ studenti li għaddejjin minn problemi mentali u qal li l-isptar ġdida għas-saħħa mentali kellu jkun prijorità għall-gvern iżda ma twettaqx. Dan filwaqt li l-għalliema u l-LSAs jinsabu taħt stress kbir.


Hu semma’ l-istrajk ppjanat mill-MUT u qal li l-pajjiż m’għandux jasal sa dawn is-sitwazzjonijiet. L-għalliema ma jistgħux jieħdu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Il-gvern kien kompliċi ma’ Vitals u Steward biex tahom €400 miljun iżda ħalla nuqqasijiet kbar fl-edukazzjoni. Minkejja li saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fl-iskejjel, il-gvern mhux jibni skejjel ġodda tant li l-ġenituri tat-tfal tal-iskola tal-Imtarfa qed jappellaw biex tinbena skola primarja fl-Imtarfa.


Dan kien budget bla soluzzjonijiet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li fakkar li anki l-Ministru Caruana ammetta li l-mudell ekonomiku falla. Dan hu mudell ekonomiku li ġab skjavitu modern, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li m’hemmx sustanza fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura meħtieġa.


L-għalliema jinsabu f’diffikultajiet kbar quddiem is-sitwazzjoni ta’ 14% tal-istudenti li huma barranin u li ma jitkellmux bl-istess lingwi. Hu qal li fil-budget m’hemm rifernza għat-trakka tal-karozzi iżda l-Prim Ministru semmiha fid-diskors tiegħu waqt li m’hemmx riferenza għad-delizzji.