Internazzjonali

Il-Gwerra f’Gaza: Kalvarju għall-pazjenti fl-isptarijiet li jinsabu kontinwament f’periklu għal ħajjithom

Il-kriżi umanitarja f’Gaza saret aktar akuta met n-Nazzjonijiet Uniti jinsabu inkwetati ferm  dwar is-sitwazzjoni fl-isptar ta’ Al-Shifa, li hu l-akbar kumpless mediku fit-territorju – fejn madwar 2,300 persuna spiċċaw iżolati waqt il-ġlied feroċi li għaddej bħalissa fil-madwar.

Is-sitwazzjoni hija wkoll iddisprata għall-isptarijiet l-oħra ta’ Gaza fosthom l-isptar ta’ Al-Quds li hu t-tieni l-akbar kumpless mediku. Dan apparti li anke sptarijiet oħra għaddejjin minn kriżi kbira, fost rapporti li l-klinika ta’ Al-Sweidi inqerdet mill-bombi f’ħin meta kien hemm mijiet tan-nies fuq ġewwa.

Filwaqt li l-qawwiet Iżraeljani jinsabu għaddejjin fi ġlied intensiv mat-terroristi tal-Ħamas, id-WHO qed tgħid li madwar 36 faċilita tas-saħħa, inkluż 22 sptar, ġarrbu ħsarat sinifikanti …. fost attakki mill-Iżraeljani fuq Gaza li ilhom għaddejjin mis-7 ta’ Ottubru.

Dan meta Iżrael ħalef li jelimina darba għal dejjem lill-Ħamas wara li t-terroristi massakraw 1,400 ċivili u suldati waqt l-attakki storiċi ta’ xahar ilu fuq il-komunitajiet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Intant, il-kalvarju għall-pazjenti u ċ-ċittadini ta’ Gaza sar aktar ikkumplikat peress li t-terroristi qed jużaw l-isptarijiet u l-kumplessi mediċi bħala forma ta’ difiża għalihom; liema aġir  imur kontra kull konvenzjoni internazzjonali u ftehim għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.

L-osservaturi barranin, fl-istess ħin, qed jikkundannaw din it-tattika terrorista li permezz tagħha, il-Palestinjani infushom f’Gaza spiċċaw ostaġġi tal-Ħamas; grupp illi hu alleat tal-Iran fundamentalista

Fost żviluppi oħra, hemm rapporti illi mal-40 tarbija li twieldu ftit tal-ġranet ilu fl-isptar ta’ Al-Shifa …. x’aktarx se jispiċċaw huma wkoll vittmi tal-gwerra.

Dan waqt li t-tobba u l-paramediċi fil-kumpless qed jibgħatu messaġġi urġenti biex jenfasizzaw li t-trabi bilfors se jispiċċaw imutu kemm-il darba jibqgħu miċħuda mill-kura intensiva li saret impossibbli għalihom fiċ-ċirkustanzi.

Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani qalu li qegħdin jagħmlu li jistgħu biex jimminimizzaw il-vittmi ċivili u li l-qawwiet tagħhom mhumiex qegħdin jolqtu l-isptarijiet. Il-Ministeru tas-Saħħa tal-Ħamas, fi stqarrija oħra dwar l-impatt tal-gwerra f’Gaza, qal li l-maqtula fit-territorju issa telgħu bejn il-11,000 u t-12,000 vittma…u li aktar minn 4,500 minn dawn il-vittmi huma tfal.