Minkejja l-appelli ta’ diversi Imħallfin u tal-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura sabiex jingħataw aktar riżorsi lill-Qorti ħalli tkun tista topera b’mod aktar effiċjenti; jidher li l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard m’għandux soluzzjonijiet fit-tul sabiex jindirizza din il-problema tant serja. B’Attard jistqarr li diġa’ sar ħafna.
Dan minkejja li ftit tal-jiem ilu waqt l-ewwel seduta tagħha bħala Imħallef – fil-preżenza ta’ Jonathan Attard innifsu – l-Imħallef Natasha Galea Sciberras tat ċamata serja lill-Gvern. U appellat għal aktar riżorsi fil-Qorti, għaliex preżentament mhumiex ilaħħqu.
Apparti minn hekk, l-Imħallef Natasha Galea Sciberras ilmentat fuq il-fatt li n-numru ta’ ġudikanti fil-Qorti huwa wieħed baxx ħafna, filwaqt illi semmiet kif l-aħħar Maġistrati li nħatru damu xhur sħaħ jistennaw sabiex jaħdmu għaliex sempliċiment ma kellhomx impjegati magħhom. Semmiet ukoll l-wegħda li qatt ma saret realtà; illi l-ġudikanti jkollhom ‘court attendants’.
Ma naqasx ukoll l-appell tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti illi fl-aħħar ġimgħat stqarr li bħalissa l-Qorti bilkemm qed tlaħħaq mad-domanda. Bil-Ministru ma jagħti ebda soluzzjonijiet prattiċi.
Jidher li l-appelli qed jaqgħu fuq widnejn torox. Bil-Ministru jgħid biss li hemm “sfidi serji” fil-Qorti, iżda ma jgħidx kif se jżid l-istaff, kif se jżid ir-riżorsi, jew kif se jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-impjegati eżistenti – li diġa’ qed isofru minn stress enormi kaġun tal-volum kbir ta’ xogħol.
//= $special ?>