Lokali Parlament

Il-pajjiż jeħtieġ sistema ta’ trasport tal-massa


Eve Borg Bonello, PN


Id-deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello sostniet li quddiem l-isfidi tal-emissjonjiet mit-traffiku trasport, il-pajjiż għandu bżonn sistema ta’ trasport tal-massa.


Fil-parlament Eve Borg Bonello qalet li Malta waqgħet sitt postijiet fit-tibdil klima għaliex il-gvern mhu jagħmel xejn f’dan ir-rigward. Id-deputat Nazzjonalista kompliet li f’pajjiż normali jsiru investigazzjonjiet indipendenti dwar il-qtugħ tad-dawl iżda f’Malta ma jsirux.


In-nuqqas ta’ azzjoni mill-gvern qed twassal biex in-nies ibatu minn kundizzjonijiet mediċi, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li appellat biex il-bidla għall-ekonomija ċirkolari tkun waħda effettiva u li din issir fejn l-aktar li hemm bżonn.


Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern waħħal fil-klima minħabba l-qtugħ tad-dawl tas-sajf li għadda u qalet li kien il-gvern Laburista li m’aċċettax proposta dwar it-twaqqif ta Awtorità biex issa qed jagħmilha tiegħu. Eve Borg Bonello kompliet li l-gvern għamel biss 32 charging point u mhux se jilħaq il-miri tiegħu.


Dwar il-karozzi elettriċi hi qalet li hawn 13,000 karozza elettrika meta min-naħa l-oħra qed jiżdiedu 43 karozza kuljum fit-toroq Maltin. Hi semmiet il-metro u qalet li l-gvern nefaq €420,000 f’direct orders biex issa din m’għadhiex prijorità. Dan meta fil-fatt 20% tal-emissjonijiet huma kaġunati mit-trasport.


Jeħieġ jittieħdu deċiżjonijiet immedjati għax il-pajjiż għandu bżonn sistema effiċjenti ta’ trasport tal-massa. Jeħtieġ ukoll li jsiru inċentivi għall-karozzi elettriċi biex il-poplu jagħżel lilhom.


Hi appellat biex jinbnew iktar ġibjuni għall-ilma tax-xita u spjegat kif il-kostruzzjoni qed tikkaġuna problemi ambjentali kbar. Il-gvern mhux jaħdem fl-interess tal-pajjiż, sostniet id-deputat Nazzjonalista.