Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Il-proġett tal-pjazza tal-Mosta mill-ġdid f’nofs kontroversja wara li tneħħew is-siġar

Diversi residenti Mostin, iżda mhux biss, dalgħodu sebħu b’xena mhux mistennija wara li sabu ma wiċċhom pjazza bla siġar. Dan minħabba li tneħħew is-siġar li kienu ilhom snin sħaħ isebbħu iz-zona tar-Rotunda, fiċ-ċentru tal-Mosta.

Is-siġar li ġew maqlugħa huma siġar tal-Fikus illi kienu ilhom snin sħaħ joffru dell u ħdura f’din il-pjazza mill-isbaħ; sabiex issa spiċċaw tneħħew bil-permess tal-ERA.

Sorsi qalulna li din kienet ukoll mossa tal-Kunsill Laburista, bħala parti mill-proġett kontroversjali tal-pjazza – proġett li issa ilu jkarkar xhur sħaħ. Għalkemm is-Sindku tal-Mosta kien wiegħed li sal-Milied, ix-xogħol kollu kellu jkun lest.

Ritratti ċirkolati fuq il-media soċjali juru l-intervent li sar biex is-siġar tneżżaw kompletament mill-friegħi tagħhom sabiex jiġu trasportati lejn zona oħra tal-Mosta. Dan filwaqt li l-pjazza se titħalla b’din ix-xena li tistona kompletament mal-ambjent tipiku ta’ dan iċ-ċentru urban.

Din il-mossa ġabet magħha wkoll reazzjonijiet iebsin ferm, partikolarment mir-residenti Mostin illi huma irrabjati ferm għal dak li wettaq il-Kunsill Lokali tal-Mosta.