Mit-Tnejn daħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi mħabbra mill-Union tal-Għalliema, l-MUT, kemm fl-iskejjel tal-Istat kif ukoll tal-Knisja.
Dan wara li t-taħditiet mal-Gvern ta’ Robert Abela li ilhom għaddejjin disa’ xhur fallew – u ma kienx hemm qbil fin-negozjati dwar il-pakkett finanzjarju tal-ftehim settorali ġdid għall-edukaturi.
It-Tnejn waranofsinhar Uffiċjali tal-MUT kellhom l-ewwel laqgħa ta’ konċiljazzjoni mal-Gvern, fejn matulha l-MUT permezz ta’ ittra formali liċ-Chairperson tal-konċiljazzjoni, spjegat li l-Union mhux lesta tkompli taħli l-ħin f’diskussjonijiet bħal dawn sakemm il-Gvern ma jkunx lest li jipprovdi proposta finanzjajra aġġornata.
Matul l-istess laqgħa kemm il-Gvern kif ukoll l-MUT iddeskrivew il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom… Però jidher li sa issa ma kienx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat hekk kif il-laqgħat se jkomplu għaddejjin matul din il-ġimgħa.
Fost l-azzjonijiet industrijali mħabbra kien hemm li l-għalliema fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja m’għandhomx jagħmlu laqgħat mal-ġenituri jew parents day, l-edukaturi m’għandhomx jippreżentaw lista ta’ attendenza tal-istudenti u m’għandu jkun hemm l-ebda kuntatt permezz ta’ komunikazzjoni online.
L-azzjonijiet industrijali jinkludu wkoll strajk ta’ ġurnata li mistenni jseħħ it-Tnejn 27 ta’ Novembru.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-Union irreġistrat appoġġ kbir għad-direttivi tagħha li bdew proprju t-Tnejn fejn l-iskejjel kolla tal-Istat u anke tal-Knisja imxew ma’ dawn id-direttivi.
Il-Union irringrazzjat lill-edukaturi għal l-azzjoni kollettiva filwaqt li tenniet l-appoġġ tagħha mal-membri matul dawn l-azzjonijiet industrijali.
Intant il-Union tal-Edukaturi Professjonisti, il-UPE, ħabbret li bħala parti mit-tilwilma industrijali tagħhom kontra l-Gvern, mil-lum daħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi fosthom li l-membri tagħha ma jkunux assenjati responsabbiltajiet iktar milli suppost filwaqt li jimxu mat-timetable tagħhom.
Direttiva oħra hija li jkun hemm inqas komunikazzjoni min-naħa tal-edukaturi u l-LSE’s f’dak li jirrigwardja l-homework u informazzjoni oħra li tingħata fuq Teams.
Ta’ min ifakkar li ftit jiem qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Gvern ta’ Robert Abela kien wiegħed li jekk il-partit tiegħu jkun elett kellu jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fis-settur edukattiv.
Issa, għaddew sktar minn sena u nofs minn meta l-Partit Laburista kien elett fil-Gvern… u minn dan kollu baqa’ ma sar xejn.
//= $special ?>