Lokali Parlament

Ma tlestewx proġetti sportivi għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar


Graham Bencini, PN


Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini sostna fil-parlament li l-gvern ma lestiex proġetti sportivi għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.


Graham Bencini tkellem dwar l-isport u qal li l-mertu tas-suċċess fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar mhux tal-politiċi iżda hu biss tal-atleti Maltin. Hu kompla li l-politiċi m’għandhomx jpprovaw jieħdu mertu għal dan is-suċċess u espriema nuqqas ta’ qbil dwar ċertu għażliet li saru waqt dawn il-Logħob.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-parteċipazzjoni tal-atleti u dwar min jista’ jieħu sehem f’isem Malta u qal li kien sema’ li diversi atleti Maltin kienu se jitilfu posthom għaliex se jinġiebu atleti barranin biex jikkompetu għal Malta. Dan billi jingħataw passaport u jkunu jistgħu jilgħabu f’isem Malta.


Graham Bencini qal li hu kien espriema qbil li Malta tagħmel minn kollox biex tirbaħ il-midalji iżda dawn għandhom jintrebħu bl-atleti Maltin u mhux b’atleti li qatt ma resqu lejn Malta. L-atleti Maltin huma dawk li twieldu f’Malta u dawk il-barranin li jgħixu f’Malta u li jagħtu kontribut lejn l-isport Malti.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-atleti barranin li jgħixu Malta jikkontribwixxu b’mod permanenti għall-isport lokali biex it-tfal Maltin jibbenenfikaw minn dawn l-esperjenzi. Hu kompla li l-atleti Maltin għandhom ikunu rikonoxxuti għas-sagrifiċċju li dawn jagħmlu u fuq kollox f’Malta hawn talent kbir li għandu jkun rikonoxxut.


Hu tkellem dwar il-faċilitajiet sportivi u qal li fil-budget m’hemmx riferenza għall-fatt li l-pixxina ta’ Għawdex ma tlestiex fil-ħin għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u li l-ispejjeż telgħu minn €8 miljuni għal €14-il miljun. Suppost li din il-pixxina kellha tintuża għal dawn il-Logħob, sostna Bencini, li fakkar kif il-Ministeru għal Għawdex kien assigura li l-pixxina tkun lesta għal dan il-Logħob.


Il-budget m’għamel l-ebda riferenza għall-Kumpless Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke li wkoll suppost intuża għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u li minn budget ta’ €1.3 miljun, l-ispejjeż telgħu għal iktar minn €3 miljuni.


Il-budget ħalla barra l-kumpless sportiv tal-isquash u l-weight lifting li wkoll kellu jitlesta għal dan il-Logħob. Hu espriema tama li l-gvern iwettaq il-propġetti proposti fil-ħin u li dawn jnżammu skont l-istimi finanzjarji proġettati.