Mara ta’ 30 sena, li fil-passat kienet Pulizija, residenti Birkirkara nżammet arrestata wara li ġiet mixlija li wettqet żewġ ‘hold ups’ wieħed f’Marsaskala u l-ieħor fil-Marsa. Miriam Elabed, il-mara li qalet lill-Maġistrat Mars-Anne Farrugia li ma taħdimx ġiet mixlija li bejn il-5pm u s-6pm ta’ nhar is-Sibt li għadda bi vjolenza wettqet serqa li hija ta’ mhux aktar minn 2,333 ewro minn hanut tal-loghob fil-Marsa.
Il-mara kienet ġiet ikkundannata tmien snin ħabs f’Settembru 2022 fuq serqa brutali u kienet barra bil-libertà proviżorja wara li ppreżentat appell. Elabed hi eks pulizija u kienet intbagħtet il-ħabs wara li nstabet fuq attakk vjolenti ta’ anzjana f’Tas-Sliema, li sawwtitha b’ganċ tal-irmonk tal-metall ta’ 19-il ċm u kisritilha d-driegħ minn tliet postijiet.
Hija ġiet mixlija wkoll li żammet kontra r-rieda tagħhom tliet impjegati tal-ħanut u li bl-aġir tagħha kkawżat biża’ fil-konfront tagħhom bl-użu ta’ theddid meta kienet armata b’oġġett iebes u bi strument li jaqta’ u bil-ponta. Ġiet mixlija wkoll li kkaġunat ferita ħafifa fil-konfront tal-persuni li kienu fil-ħanut.
Elabed ġiet mixlija wkoll li wettqet serqa ta’ flus kontanti bl-istess mod f’ħanut tal-merċa f’Marsaskala u li ssekwestat lil xi persuni li kienu fil-ħanut. Allegatament din is-serqa seħħet ftit qabel is-serqa tal-Marsa, u dan bejn is-2.30pm u t-3pm.
Hija ġiet mixlija wkoll li kkaġuna biża li ssir vjolenza fil-konfront tal-persuni li ssekwestrat u li kienet fil-pusses ta’ armi bla liċenzja maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija. Hija ġiet ukoll akkużata li kisret diverso ordnijiet tal-Qorti fuq każijiet oħra.
Id-difiża ma talbitx għal helsien mill-arrest. Il-Pulizija hawn qalet fil-Qorti li minn stharrig preliminarju rrizulta li l-mara daħlet mgħammda f’hanut tal-loghob fil-Marsa u allegatament armata b’sikkina u martell u talbet il-flus lill-kaxxiera.
Xi persuni fuq il-post intervjenu u rnexxielom jzommu lill-mara. Il-pulziija qalet ukoll li wara li elevat xi filmati u saru aktar investigazzjonijiet irrizulta li kienet l-istess persuna li ftit qabel wettqet serqa oħra f’ħanut f’Wied il-Ghajn. Hija wieġbet mhux ħatja għal akkuħi miġjubin kontriha filwaqt li d-difiza ddikjarat li f’dan l-istadju mhux se ssir talba ghal helsien mill-arrest.
L-Avukat tal-AĠ Nadia Ciappara mexxiet il-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Stephen Gulia, Shawn Pawney u Sarah Kathleen Zerafa.