Ewropa Lokali

Marzia Maatouk titpoġġa fil-lista tal-aktar persuni imfittxija fl-Ewropa

Marzia Maatouk tpoġġiet fuq il-lista tal-aktar persuni imfittxija madwar l-Ewropa wara li f’Awwissu li għadda hi u r-raġel tagħha – Jomic Calleja Maatouk irnexxielhom jaħarbu minn pajjiżna.

U għalhekk issa l-koppja tinsab fil-lista tal-Europol ta’ kriminali meqjusa ‘most wanted’.

Marzia Maatouk li għandha 23 sena kienet ġiet ikkundannata 15-il xahar ħabs wara li nqabdet b’pussess ta’ droga. Dan il-każ imur lura għal Awwissu tal-2019 meta hi kellha 19-il sena.

Minn naħa tiegħu, Jomic Calleja Maatouk kien instab ħati li pprova jdaħħal splussiv f’pajjiżna u jixtri l-valenu mid-darkweb.

Issa, kollox qed jindika li l-koppja x’aktarx ħarbet lejn is-Serbja – għalkemm ma kien hemm l-ebda rapport li l-koppja telqet minn Malta b’ajruplan jew bil-baħar. U allura hemm possibbiltà kbira li l-koppja telqet mill-pajjiż permezz ta’ passaport falz b’dagħjsa privata, u rnexxielha tiżgiċċa minn taħt għajnejn l-awtoritajiet Maltin.

Possibbilta oħra hi li l-koppja qasmet lejn Sqallija bil-baħar u saqu mill-Italja lejn pajjiż ieħor Ewropew. B’sorsi li tkellmu ma’ Net News jgħidu li jista’ jkun il-każ illi t-tfajla u r-raġel tagħha diġa’ biddlu l-identità tagħhom sabiex ma jibqgħux taħt ir-radar tal-awtoritajiet barranin.

Ftit taż-żmien wara li l-koppja sparixxiet; il-qraba ta’ Marzia Maatouk stqarrew illi kienu inkwetati ħafna dwar is-sigurtà tagħha wara li kienu sabu taqlib sħiħ fir-residenza tal-koppja.