Enerġija Lokali

Miriam Dalli għadha bla pjan dwar il-qtugħ tad-dawl

Wara li matul is-Sajf li għadda f’pajjiżna kellna l-kriżi nazzjonali tad-dawl; xhur wara, il-Ministru Miriam Dalli għadha mhi tagħti ebda assigurazzjoni li din il-kriżi mhux se terġa’ tirrepeti ruħha fix-xhur li ġejjin.

Meta matul il-jum tat-Tnejn kienet mistoqsija mill-ġurnalisti, il-Ministru Miriam Dalli dehret li m’għandha l-ebda soluzzjoni fit-tul sabiex titjieb id-distribuzzjoni tal-enerġija. Dan hekk kif bl-isplużjoni fil-popolazzjoni d-distribuzzjoni tal-enerġija mhux qed tlaħħlaq, tant li f’Lulju li għadda eluf ta’ familji qattgħu kważi ġimagħtejn sħaħ mingħajr il-provvista tad-dawl.

Din il-kriżi seħħet propju meta f’pajjiżna kienet għaddejja mewġa ta’ sħana, b’bosta familji spiċċaw jarmu l-ikel. Dan apparti li kellhom jgħixu ġranet sħaħ u iljieli fi sħana kbira; b’detriment partikolari fuq is-saħħa tal-anzjani.

Iżda meta Miriam Dalli kienet affaċċjata bid-domanda jekk tistax tassigura li din il-kriżi mhux se terġa’ tirrepeti ruħha hija evitat għal kollox li sserraħ moħħ in-nies.

Apparti minn hekk, skont Miriam Dalli, il-qtugħ tad-dawl kien kollu tort tat-temperatura għolja li ħakmet lil pajjiżna; għalkemm esperti fis-settur dejjem insistew li s-sistema ma bdietx tlaħħaq mad-domanda kbira li ġabet magħha l-isplużjoni fil-popolazzjoni. Aktar u aktar minħabba l-fatt li s-sjuf Maltin – kull sena – dejjem ikunu karatterizzati minn sħana qawwija.

Lejn l-aħħar ta’ Lulju, f’laqgħa mal-MCESD, il-Gvern ta’ Robert Abela kien wiegħed pjan ta’ azzjoni fl-enerġija. Iżda sa ftit tal-jiem ilu, l-MCESD stess qalet li għadha ma irċiviet l-ebda follow-up b’rabta ma’ dan il-pjan ta’ azzjoni.

Meta Miriam Dalli kienet mistoqsija minn Net News dwar meta se jiġi ppubblikat dan il-pjan – apparti l-attakki partiġġjani – hija spiċċat tammetti li għadha trid tkellem lill-Korpi Kostitwiti dwar dan is-suppost pjan ta’ azzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sostna illi l-fatt li l-Gvern għadu ma fassal ebda action plan b’rabta mal-provvista tad-dawl dan ikompli jikkonferma kemm Robert Abela għejja jmexxi, u m’għadx baqagħlu enerġija.