Kultura Lokali

Programm ta’ ċelebrazzjonijiet biex titfakkar il-75 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa tal-Marsa

Nhar it-12 ta’ Ġunju 2024 is-soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa Marsa tagħlaq 75 sena mit-twaqqif tagħha. Fit-12 ta’ Ġunju li għadda, is-soċjetà varat programm ta’ ċelebrazzjonijiet biex tfakkar dan l-anniversarju tant importanti għaliha. Fil-fatt, żewġ avvenimenti mistennija li ser jimmarkaw dan l-anniversarju ser iseħħu bejn il-5 u t-8 ta’ Diċembru, meta l-Banda Trinità Qaddisa Marsa ser iddoqq fil-Pjazza tal-Vatikan, kif ukoll ser ittella` kunċert prestiġjuż fil-Bażilika ta’ San Andrea Della Valle f’Ruma.

Il-Programm f’Ruma ser ikun dan:

• Nhar is-6 ta’ Diċembru, il-Banda Trinità’ Qaddisa Marsa ser iddoqq fil-Pjazza tal-Vatikan qabel l-Udjenza Ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, fil-preżenza tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Wara l-udjenza, il-Kumitat Ċentrali flimkien mal-bandisti ser jiltaqgħu personalment mal-Papa. Hekk kif tintemm l-lagħqa mal-Papa, il-Banda Trinità Qaddisa ser tagħmel marċ ta’ siegħa u nofs li jikkonsisti f’innijiet tal-MiliedDan ser iseħħ fil-Pjazza tal-Vatikan.

• Il-Ħamis 7 ta’ Diċembru ser jittella` kunċert prestiġjuż fil-preżenza ta’ Prelati u dinjitarji oħra fil-Bażilika ta’ San Andrea Della Valle – it-tieni l-akbar Bażilika f’Ruma. Fost il-mistednin distinti ser ikun hemm ukoll ic-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu Malti Gavin Gulia u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Vatikan, Frank Zammit.  

Il-banda ser tkun taħt id-Direzzjoni tas-Surmast David Joseph Sammut.

Il-banda ser tkun akkumpanjata mis-soprani Gabrielle Portelli u Kristy Spiteri.

Il-Kunċert li ser isir fis-7 ta’ Diċembru fil-Bażilika ta’ San Andrea Della Valle ser jittella’ taħt il-Patroċinju tal-Awtorità tat-Turiżmu f’Malta u tal-Ambaxxatur għas-Santa Sede, Frank Zammit. 

Is-Soċjetà trodd ħajr lil dawk kollha li ser jagħmlu possibbli li dan l-avveniment jinkiteb fl-istorja glorjuża tagħha b’ittri tad-deheb.