Il-Qorti tal-Maġistrati ddikjarat li hemm biżżejjed provi fil-konfront ta’ Iddirsu Faisal, ir-raġel akkużat bi qtil doppju makabru x-xahar li għadda fil-Marsa biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. Faisal ta’ 34 sena, kaħħal mill-Ghana, jinsab mixli bil-qtil ta’ Joseph Bartolo ta’ 73 sena u Carmen Abela ta’ 56 sena kif ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ mara oħra min-Niġerja ġewwa l-istalel tal-Marsa proprjetà tal-vittmi fil-15 ta’ Ottubru li għadda,
Huwa akkużat ukoll li weġġa’ gravi lill-istess mara Niġerjana u li weġġa’ ħafif raġel ieħor Niġerjan, kif ukoll akkużi relatati ma’ reżistenza għall-arrest, ħsara fil-proprjetà privata, li ma obdiex ordnijiet legali tal-pulizija u li weġġa’ ħafif uffiċjal tal-pulizija.
F’digriet li ngħata t-Tnejn, il-Maġistrat Gabriella Vella ddikjarat li kien hemm biżżejjed raġunijiet biex ir-raġel jgħaddi ġuri fuq il-każ. Il-Qorti nnutat li l-vittmi Niġerjani aggreditjati minn Faisal kienu taw it-tnejn rakkonti simili, bil-mara tispjega li kienet qed tipprepara biex taħsel snienha meta Faisal, li kien jgħix fl-istess kumpless, kien daħal ħabta u sabta fil-kamra tagħha u hemm ta diversi daqqiet fuq rasha b’imqass kbir – dak li huwa magħruf bħala ‘bolt cutter’.
Il-vittma Niġerjana kienet xehedet li hi baqgħet ħajja grazzi għall-intervent ta’ ħuha, li sssielta għall-għodda li kienet qed tintu’a bħala arma, minn idejn l-aggressur. Ir-raġel Niġerjan minn naħa tiegħu kien qal lill-Qorti li waqt il-ġlieda, kien ra l-iġsma taż-żewġ vittmi.
Il-qorti bagħtet l-atti tal-każ lura lill-Avukat Ġenerali, li issa jrid jiddeċiedi jekk joħroġx att ta’ akkuża kontra Faisal jew jibgħatx l-atti lura lill-qorti biex tiġbor evidenza addizzjonali. L-avukati Joe Brincat u Julia Micallef Stafrace huma l-avukati difensuri ta’ Faisal.
Il-Prosekuturi Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden qed jirrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fejn qed jassistu lill-Ispetturi tal-Pulizija Kurt Zahra u Wayne Camilleri. L-avukati Jason Azzopardi u Franco Debono huma parte civile fil-każ.