Il-Prim Ministru Rishi Sunak, bħalma kien mistenni, wettaq ir-reshuffle tal-Kabinett u fejn, b’sorpriża kbira, l-eks-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, qed jirritorna fir-rwol ta’ Segretarju għall-Affarijiet Barranin.
It-theżżiża fil-Kabinett qed tinħass ukoll wara t-tkeċċija ta’ Suella Braverman minn Segretarju responsabbli mill-Intern u wara jiem ta’ spekulazzjoni dwar il-futur tagħha.
Braverman issa tinsab mingħajr dekasteru u meta James Cleverly – l-eks Segretarju għall-Affarijiet Barranin – laħaq flokha bħala Home Secretary.
Intant, l-istampa Britannika qed tikkritika d-deċiżjoni ta’ Sunak minħabba li Braverman, fl-aħħar xhur, ippruvat iddaħħal politika konformi mal-ħteġiet ta’ pajjiżha anki jekk kienet qed tissogra li tħallas il-prezz politiku minħabba l-aspett kontroversjali ta’ ċerti policies.
Iżda l-aktar aspett li qed jispikka, bla dubju, hu r-ritorn ta’ Cameron fil-Kabinett u wara li hu kien il-Prim Ministru Konservattiv tar-Renju Unit mill-2010 sal-2016.
Cameron hu magħruf sew fil-qasam internazzjonali bħala l-ixprun wara r-referendum għall-Brexit u li permezz tiegħu, ir-Renju Unit ma baqax jifforma parti mill-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, David Cameron qal li filwaqt li ma jaqbilx ma’ xi ‘deċiżjonijiet li ħa Rishi Sunak fuq bażi individwali’ hu xorta qed jemmen fil-Prim Ministru bħala ‘mexxej li kapaċi jilqa’ u jegħleb l-isfidi attwali għal pajjiżu.’
//= $special ?>