Dik li darba kienet pjazza mill-isbaħ tħaddar bis-siġar tal-fikus, issa spiċċat pjazza tal-konkos, bi friegħi imqattgħin biċċiet. Siġar li kienu ilhom biswit ir-Rotunda tal-Mosta għal aktar minn 50 sena, u li kienu joffru kenn lil bosta anzjani u residenti Mostin.
Is-siġar li tqaċċtu miċ-ċentru tal-Mosta biddlu kompletament l-estetika tal-pjazza tar-Rotunda. Dan apparti li kienu joffru kenn anke lil mijiet ta’ għasafar li kienu jorqdu f’dawn is-siġar, u li it-Tnejn filgħaxija spiċċaw mitlufin għax ma sabux fejn jistkennu. B’uħud minnhom saħansitra jmutu.
Kollox jindika li dan l-isfreġju tas-siġar sar mingħajr ebda diskussjoni jew konsultazzjoni mar-residenti minn naħa tal-Awtorita tal-Ambjent u r-Riżorsi.
Kien għalhekk illi l-Moviment Graffiti, flimkien ma’ bosta residenti Mostin, it-Tlieta filgħodu sebħu fil-Pjazza tal-Mosta sabiex iwaqqfu lill-ħaddiema milli jqaċċtu dawn is-siġar tal-filkus.
Fost il-messaġġi li kienu qedin iwasslu, spikka l-kliem ‘Tradituri tal-Mostin” kif ukoll id-domanda “Mela qed tiġġennu?’
Intant il-Moviment Graffiti ser ikun qed jorganiża protesta l-Erbgħa fis-6:30 quddiem il-Kunsill Lokali tal-Mosta sabiex ikompli jsemma’ leħnu kontra dan id-diżastru li qed iseħħ fil-pjazza tal-Mosta.
It-tneħħija tas-siġar kienet parti integrali mill-proġett li issa ilu jkarkar xhur sħaħ. Bis-Sindku Laburista kien qiegħed li kollox kellu jkun lest sal-Milied – għalkemm sa issa, għad hemm dubji kbar.
//= $special ?>