Ambjent Lokali

“Fl-ebda punt ma rrakomandajna li jitqaċċtu s-siġar”- il-periti responsabbli mill-proġett tal-pjazza

Il-periti mid-ditta Studjuurban, li huma responsabbli mill-proġett li qed isir fil-pjazza tal-Mosta ddistakkaw ruħhom mid-deċiżjoni li jitqaċċtu s-siġar li ilhom snin twal fil-pjazza tal-Mosta.

Fi stqarrija li ħarġu t-Tlieta, huma spjegaw kif fl-ebda ħin ma rrekomandaw li jitqaċċtu dawn is-siġar, li huma l-unika ħdura f’dan il-post urban. Hekk kif tkellmu ukoll li huwa diżappuntanti li dawn is-siġar maturi tneħħew mill-pjazza, filwaqt li stqarrew li f’kwalunkwe proġett tagħhom huma dejjem iħarsu li jinkorporaw is-siġar u ambjent naturali.

Din l-istqarrija tiġi wara li aktar kmieni matul il-jum tat-Tlieta ħareġ permess bil-barka tal-ERA sabiex jitqaċċtu s-siġar fil-pjazza tal-Mosta biex ikun hemm aktar spazzju għall-proġett li qed isir. Fejn nġabru ukoll numru ta’ attivisti fi protesta kontra t-tqaċċit ta’ dawn is-siġar fejn saħansitra ġie arrestat wieħed minnhom.