Lokali

“Gvern li jurik id-debba u jqabbeż il-ħmara” – PN

Fil-Manifest Elettorali tal-Parit Laburista wegħdu li biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa kienu ser jidħlu “f’diskussjonijiet ma’ sidien privati ta’ spazji miftuħa u ġonna kbar sabiex il-Gvern ipartat jew jixtri dawn il-proprjetajiet u jagħmilhom aċċessibbli għall-pubbliku.”

Fl-istess nifs, il-Ministru għall-Ambjent li tant tiftaħar bil-Project Green, trid tagħti biċċa art ta’ kobor sostanzjali fil-Qajjenza, fejn qabel kien lokat il-Gas Depot u li llum hi tal-Enemalta, biex tingħata lill-privat biex tiġi żviluppata f’sitt blokok tal-konkrit li jwasslu sa għoli ta’ 8 sulari. Art li faċilment tista’ minflok tingħata għat-tgawdija tar-residenti ta’ Birżebbuġa.

Kien dan li ħareġ fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura u Sajd, Toni Bezzina, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u Drittijiet tal-Annimali, Janice Chechuti, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Intrapriża, Mark Anthony Sammut, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit f’isem il-Partit Nazzjonalista.

L-istaqrrija tkompli li dan mhux biżżejjed hekk kif rajna barriera fl-Imqabba li ser tiġi mibdula f’impjant tat-tarmak fejn, skont l-Awtorità tal-Ippjanar, barrieri fl-Imqabba huma ideali biex jinbiddlu f’zoni industrijali b’ detriment għar-residenti tal-Imqabba kif wkoll ta’ residenti oħra tal-lokalitajiet tal-madwar bħal dawk tal-Qrendi, iż-Żurrieq, Ħal Safi, Ħal Kirkop u s-Siġġiewi.

Il-Partit Nazzjonalista qal kif sfortunatament, għandna Gvern li għalih l-interessi privati jaqbżu l-interessi tar-residenti: għandna Gvern li jurik id-debba u jqabbeż il-ħmara.