L-Iran ikkonferma li l-grupp Ħeżbollah tal-militanti Xiti Lebaniżi issa daħal fi gwerra ma’ Iżrael fuq front ġdid lejn in-nofsinar tal-artijiet Iżraeljani.
Din hi l-ewwel darba li l-Iran irrikonoxxa pubblikament is-sehem tal-alleati militanti fil-gwerra li Iżrael ilu jiġġieled mat-terroristi tal-Ħamas f’Gaza mis-7 ta’ Ottubru.
L-aħħar żviluppi ħabbarhom il-Ġeneral Amir Ali Hajizadeh, wieħed mill-kmandanti ewlenin tal-Gwardja Repubblikana li hi l-iskwadra militari elitista tar-reġim Iranjan Iżlamiku.
Il-Ġeneral kien ikkwotat li ‘il-gwerra kompliet tinfirex madwar il-Lvant Nofsani u li l-Libanu wkoll, issa, sar parateċipi fil-konflitt li kapaċi jeskala minn jum għal jum’.
Dan waqt li r-reġim Iżlamiku fl-Iran – għadu storiku ta’ Iżrael — qal li l-futur għadu mhux ċar u li pajjiżu jinsab lest għal kwalunkwe ċirkustanzi.
Il-Ħeżbollah kien twaqqaf mir-reliġjużi Lebaniżi wara l-gwerra tal-1982 fil-Libanu u b’dan il-grupp – li maż-żmien bena Armata formidabbli — jaddotta s-sistema u politika tal-Ayatollah Ruhollah Khomeini wara r-rivoluzzjoni tal-1979 fl-Iran.
Intant, il-Ħeżbollah ilu mill-1990 protagonista fil-politika tal-Libanu. U filwaqt li l-moviment ilu snin sħaħ jingħata l-fondi, finanzi u taħriġ mingħand l-Iran huwa wkoll magħruf bħala entità terroristika mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u pajjiżi oħrajn tal-Punent.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, reġa’ wissa lill-Ħeżbollah li qed jilgħab man-nar u li l-Libanu għandu jħallas prezz kbir għat-triq li qabad peress li l-Iżraeljani għandhom jirritaljaw b’mod li ‘dan il-pajjiż (il-Libanu) ma jiflaħx għalih’.
Netanyahu kompla li l-Ħeżbollah u l-Iran se jitgħallmu ‘għall-ispejjeż tagħhom’ li ma jistgħux iżidu l-attakki fuq il-qawwiet u ċ-ċivili Iżraeljani fuq front ieħor u li Iżrael kapaċi jiġġieled b’suċċess anki kontra din it-theddida.
Dan waqt li l-Prim Ministru u l-Gvern Iżraeljan mill-ġdid iddikjaraw l-impenn determinat biex jeqirdu lill-grupp terroristiku tal-Ħamas li qed jieħu l-armi u l-finanzi mingħand l-Iran. L-Iżraeljani, illum, qegħdin iżidu l-attakki fuq Gaza biex jirristawraw is-sigurtà maz-zoni tal-fruntiera ta’ Iżrael lejn it-Tramuntana u n-Nofsinar.
//= $special ?>