L-għalliema, l-istudenti, il-ġenituri, u s-sistema edukattiva f’pajjiżna b’mod ġenerali għandha bżonn Gvern b’viżjoni fit-tul, li toffri garanzija għal kundizzjonijiet aħjar fl-iskejjel.
Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri meta it-Tlieta filgħodu, flimkien mad-Deputati Charles Azzopardi u Bernice Bonello indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet ….bi Schembri jfakkar li qabel l-elezzjoni l-Gvern ta’ Abela wiegħed li se jżid il-pagi lill-edukaturi biex issa qiegħed imur quddiem l-union tal-għalliema…b’pakkett finanzjarju miżeru – saħansitra inqas mill-għajnuna tal-għoli tal-ħajja.
Justin Schembri stqarr li Gvern qed ikun inġust mhux biss mal-għalliema iżda wkoll mal-istudenti – partikolarment tas-seba’ sena. Dan għaliex is-sena l-oħra kull student ta’ din is-sena kien imwiegħed li se jingħata laptop…u issa li dħalna f’sena akkademika ġdida.. għadhom qed jistennew il-laptop.
Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista mhux biss qed jinsisti li l-istudenti tas-seba’ sena tas-sena skolastika preżenti jingħataw laptop…iżda anke dawk tas-sena li għaddiet.
Id-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi minn naħa tiegħu sostna illi huwa ċar li l-Gvern ta’ Abela lest biex iqassam il-flus lil tal-qalba iżda m’għandux għal qalbu l-interessi tal-edukaturi u l-istudenti f’pajjiżna. Huwa stqarr li l-Partit Laburista fil-Gvern tilef għal kollox il-kredibbiltà tiegħu fis-settur tal-edukazzjoni.
Intant, id-Deputat Bernice Bonello insistiet dwar il-bżonn ta’ pjan politiku li jġib l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri fuq quddiem – li ż-żgħażagħ ikollhom futur li jixraqilhom, pjan ħolistiku li jieħu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom u ta’ madwarhom…viżjoni li toffrilhom futur xieraq f’pajjiżna.
Hija insistiet li dan il-gvern irid jagħti garanzija lill-istudenti u l-għalliema, sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li tixraqlu.
Dan kollu fid-dawl tal-fatt li preżentament l-MUT għaddejja b’direttivi wara li l-Gvern ta’ Abela naqas milli joffri ftehim kollettiv u pakkett finanzjarju diċenti li jissodisfa lill-edukaturi….dawk il-professjonisti li jsawwru il-ħaddiema ta’ għada.
//= $special ?>