Dan is-sajf kien eżempju ċar tal-problemi kollha li qed jaffaċja pajjiżna, fir-rigward tal-enerġija u l-ambjent. Fejn fl-eqqel tas-sajf kellna bosta lokalitajiet li sfaw bla dawl għal ġimagħtejn sħaħ, fejn kellna bosta zoni tul il-kosta li ma kienux tajbin għall-għawm, kif ukoll livelli ta’ temperaturi rekord għax ma sarx biżejjed investiment fl-enerġija sostenibli.

Hekk saħqu d-deputati Nazzjonalisti Mark Anthony Sammut, Janice Chetcuti u Eve Borg Bonello, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Centrali tal-Partit Nazzjonalista t-Tlieta waranofsinhar.

Mark Anthony Sammut saħaq li r-replika ta’ Abela kienet mibnija fuq il-gideb, u spjega li llum il-ġurnata qedgħin f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur m’għandux ħajt ta’ kenn, u jekk familji għamlu siegħat bla dawl irridu joqgħodu għal ħniena tal-Gvern sabiex jirċivu l-ħlas ta’ darba. Mentri Partit Nazzjonalista fil-Gvern jrid li dawn l-affarijiet ikunu imposti fuq ir-regolatur… u għalhekk il-konsumatur joħodhom bi dritt.

Il-Kelliem għall-enerġija u l-Intrapriża, spjega li pajjiżna għandu potenzjal kbir tant li jista’ jkun ċentru ta’ enerġija rinovabli fil-Mediterran, bil-potenzjal tal-baħar, r-riħ u x-xemx li għandhom dawn il-gżejjer sabiex b’hekk f’dan is-settur ikunu ċentru ta’ riċerka u anke ċentru ta’ manutenzjoni.

Mark Anothony Sammut qal li l-poplu Malti għandu dritt ikun jaf x’qed jiġri mill-flus li l-pajjiż qed jonfoq fi ħlasijiet għall-fuels.
Janice Chetcuti minn naħa tagħha qalet li ta’ kuljum qed naraw sfreġju fl-ambjent, b’effetti fuq is-saħħa mentali.

Il-kelliema għal-Ambjent, il-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u d-drittijiet tal-Annimali kompliet tgħid li l-Gvern ta’ Abela wiegħed sensiela ta’ proġetti li ma ġewx imwettqa, fosthom il-park ta’ Ta’ Qali li għadu lanqas biss infetaħ. Hi staqsiet ukoll x’qed isir mill-widien ta’ pajiżna, u jekk dawn hux qed jiġu mnadfa. Dan apparti li tul is-sajf kellna problema serja ta’ baħar maħmuġ.
Apparti minn hekk, tkellmet ukoll dwar l-investiment f’enerġija nadifa.

Eve Borg Bonello, il-Kelliema għat-Tibdil fil-Klima, minn naħa tagħha aċċenat għall-fatt li Malta waqat 6 postijiet fil-Climate Change Index u għalhekk il-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jibqa jaġixxi qisu xejn mhu xejn.

Fl-isfond ta’ dan kollu, Eve Borg Bonello żiedet li l-Gvern preżenta proposti riċiklati waqt li f’nofs kriżi li sab ma wiċċu fis-sajf Robert Abela spiċċa għamel u-turn u uża il-proposta li kien ħareġ biha il-Partit Nazzjonalista – proposta għat-twaqqif ta’ awtorità għat-tibdil fil-klima. Dan filwaqt li l-Gvern xorta spiċċa preżenta proposti li ma kienux ċari.
