Internazzjonali

Ir-Russja: Liberat wieħed mill-qattiela ta’ ġurnalista li kienet tikkritika lil Putin

Wieħed mill-imputati kundannati dwar il-qtil ta’ ġurnalista prominenti ngħata l-libertà wara li konkluda l-kuntratt biex jiġġieled fl-Ukrajna għal perjodu ta’ sitt xhur — u bħala kundizzjoni ewlenija għal maħfra Presidenzjali.

Il-qtil, fl-2006, ta’ Anna Politkovskaya – li kienet tikkritika bil-qawwi lill-President Russu Vladimir Putin u l-gwerra ta’ dak iż-żmien fiċ-Ċeċenja —  qanqal xokk anki fil-pajjiżi tal-Punent; bil-ġurnalista investigattiva tisfa vittma ta’ assassini li sparaw għal fuqha wara li sabuha fl-appartament tagħha.

L-imputat  Sergei Khadzhikurbanov – eks-uffiċjal tal-pulizija f’Moska – fl-2014 kien weħel 20 sena ħabs b’konnessjoni mal-omiċidju u fejn kien biss wieħed minn ħames imputati li spiċċaw ikkundannati għar-reat.

Ir-rappurtaġġ ta’ Politkovskaya  kien imfaħħar mill-media barranija għall-investigazzjoni determinata tal-abbużi mill-qawwiet Russi fiċ-Ċeċenja. Iżda l-artikli u oħrajn fejn hi ma żammitx lura mill-kritika għal Putin kienu rabjaw lil ħafna uffiċjali fl-ogħla ġerarkija tat-tmexxija f’Moska.

Sergei Khadzhikurbanov instab ħati li provda appoġġ loġistiku li permetta għall-qtil tal-ġurnalista u issa hu gawda mill-‘amnestija’ li ngħatatlu għas-sehem tiegħu bħala suldat Russu fil-gwerra tal-Ukrajna. Dan wara li l-Ministeru tad-Difiża Russu rekluta l-ħabsin biex jiġġieldu fl-Ukrajna bil-wiegħda li jinħafrulhom is-sentenzi ladarba huma jaqdu dmirhom fuq bażi militari.