“Nipprova noħloq miegħek koalizzjoni biex dan il-pajjiż nifduh minn idejn min ħadulna.”
Hekk wiegħed il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt il-programm XTRA meta kien qed jitkellem dwar il-bżonn ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi. Bil-Kap tal-PN jispjega li t-tnaqqir serju fil-kwalità tal-ħajja tan-nies qed jirriżulta kaġun tat-tkabbir esseġerat fil-popolazzjoni.
“Pajjiżna f’mumenti miexi ‘l quddiem però f’ċirkostanzi oħra, minħabba it-tkabbir ekonomiku, qegħdin nissagrifikaw il-kwalità tal-ħajja tan-nies,” qal Bernard Grech.
Bernard Grech qal li ż-żgħażagħ qed jispiċċaw jitilqu minn pajjiżna għax mhux jaraw futur għalihom jew għall-ġenerazzjonijiet futuri.
“Il-fatti jitkellmu weħidhom,”qal Bernard Grech. “80% taż-żgħażagħ iridu jitilqu minn pajjiżna. Li ż-żgħażagħ Malti ma jridx jgħix f’pajjiżu hi traġedja. Qed nitilfu r-riżorsa, il-kapaċità, u t-talent. Dan mhux jien qed ngħidu, iżda l-fatti. Li jkollok 80% tan-negozji li jgħidulek li n-negozji sejjer ħażin, dan qed jgħiduhom il-fatti. Dan iċ-ċertifikat ta’ Robert Abela li qed jibqa’ jistina rasu, ma jridx jaf.”
Bernard Grech semma’ l-wegħdiet li għamel Abela, sempliċiment biex jixtri l-voti.
“Wiegħdhom żieda sostanzjali qabel l-elezzjoni, illum għadu jiġġieled magħhom għal din iż-żieda,” qal Bernard Grech. “Tant qed joffrilhom ftit li qed jgħidulu li qas hemm għalfejn imorru mal-mejda tant qed itihom ftit. Mhux jirrikonoxxi l-importanza tal-edukazzjoni f’pajjiżna.”
Fid-dawl ta’ dan kollu, Bernard Grech assigura li se jibqa’ jaħdem favur il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
“Inwiegħed li nkun Prim Minsitru ta’ kulħadd,” qal Bernard Grech. “Però rrid inkun ukoll Prim Ministru għal dawk li sofrew inġustizzji, anke dawk li sofrew inġustizzji taħt żminijiet tagħna. Irrid li l-ewwel u qabel kollox inkun Prim Ministru mhux biss għall-ġenerazzjonijiet preżenti iżda anke dawk futuri.”