Ivan Bartolo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo sostna fil-parlament li s-soċjetà għandha tkun sensittiva għall-persuni b’abilitajiet differenti.
Ivan Bartolo tkellem dwar l-importanza tad-dinjità umana u d-diskriminazzjoni fis-soċjetà. Hu qal li s-soċjetà toħloq esklużjoni soċjali fis-soċjetà u appella biex il-persuni b’abilitajiet differenti jingħataw l-opportunitajiet fis-soċjetà.
Ivan Bartolo qal li dawn il-persuni m’għandhomx jintużaw għal skopijiet politiċi kif ġara fl-aħħar 10 snin. Hu kompla li fil-kwistjoni tal-mobilità għandu jitneħħa kull xkiel għaliex din hi problema li dawn il-persuni jiffaċċjaw kuljum.
Jeħtieġ li l-bankini pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd, għaliex dawn għandhom funzjoni soċjali. Il-bankni f’Malta m’humiex aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà għax qed ikunu meħuda minn imwejjed u siġġijiet għaliex il-flus rikbu lill-pajjiż.
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li anki l-armar tal-festi li jdum perjodi twal fuq il-bankini, l-iscooters u ingombru ieħor joħolqu diffikultajiet għall-persuni li jużaw il-bankini. Hu qal li jeħtieġ li jsiru kampanji ta’ edukazzjoni u infurzar qawwi.
Ivan Bartolo appella għal pjan ta’ awditjar tal-bankini kollha fil-lokalitajiet u biex jissaħħu s-servizzi fiċ-Child Care Centres. Hu kkritika t-tnaqqis fil-fondi għal ċertu servizzi offruti għall-persuni li jeħtieġu attenzjoni partikolari.