Lokali Parlament

Jeħtieġ iktar appoġġ għall-għaqdiet volontarji


Graziella Galea, PN


Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea appellat fil-parlament biex jingħata iktar appoġġ għall-għaqdiet volontarji.


Graziella Galea qalet li ħadd m’għandu jħossu eskluż fis-soċjetà u sostniet li fil-qasam tal-persuni b’diżabilità saru avvanzati iżda jeħtieġ tinbidel il-mentalità dwar dawn il-persuni li għandhom jingħataw l-opportunitajiet kollha biex jgħixu l-aqwa kwalità ta’ ħajja.


Jeħtieġ li l-persuni li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità jingħataw it-taħriġ u jkun hemm iktar koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm iktar effiċjenza fil-mod kif jingħataw is-servizzi flimkien ma iktar persuni impjegati f’dan is-settur. L-assistenti personali wkoll iridu jkunu mħarrġa sew biex ma jintilifx l-iskop tagħhom; dan filwaqt li dawn ikollhom pagi tajbin.


Hi qalet li jidher li s-servizzi mediċi lit-tfal qed jingħataw mill-isptar tas-saħħa mentali minkejja l-appelli tal-ġenituri biex ma jsirux minn hemm. Jeħtieġ li f’Għawdex ikun hemm one stop shop iżda jidher li dwar dan għad hemm biss konsultazzjoni.


Hi qalet li jidher li l-kunċett tal-hub għall-persuni b’diżabilità fin-Naxxar twarrbet u mhux stabbilit fejn se jmorru l-flus li kienu ivvutati. Il-PN kien kontra l-kunċett ta’ dan il-hub għaliex dan kien imur kontra l-priċinċipji ta’ integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li fadal ħafna x’isir fis-settur tal-assistenti personali u sostniet li l-vot ta’ €1 miljun mhux se jkun biżżejjed biex il-persuni li għandhom bżonn dawn is-servizzi fil-fatt jingħataw is-servizz.


Graziella Galea kompliet li hawn problemi biex jinstabu ħaddiema soċjali, carers u assistenti personali u għalhekk il-gvern għandu jdaħħal inċentivi biex persuni jagħżlu dawn il-karrieri. Hemm ukoll lista ta’ stennija twila għall-assessments, minħabba nuqqas ta’ ħaddiema.


Dwar il-grant tal-carers, Graziella Galea qalet li fir-realtà ma kienx hemm żieda għal għal dawn il-carers għaliex dik li ssemmiet kienet biss dik tal-paga minima.


Graziella Galea tkellmet dwar id-diffikultajiet għall-persuni li jużaw wheelchairs fuq il-bankini u sostniet li anki fil-parkeġġ ta’ Mater Dei hemm diffikultajiet fuq dawn il-persuni jużaw il-liftijiet. Hi sostniet li m’għandux ikun hemm abbużi mill-blue badge.


Id-deputat Nazzonalista enfażizzat l-importanza tal-għaqdiet volontarji u appellat biex ikun hemm iktar għajnuna lil dawn l-għaqdiet volontarji.