“Tradituri tal-Mostin”. “Mela qed tiġġennu?”
Dawn huma biss uħud mill-messaġġi li twasslu meta kmieni dalgħodu grupp ta’ persuni sebħu fil-pjazza tal-Mosta sabiex iwaqqfu x-xogħol ta’ qlugħ tas-siġar wara kontroversja sħiħa li nqalgħet il-bierah.
Fil-fatt, mal-Moviment Graffitti, ingħaqdu wkoll persuni oħra – inkluż tfal – illi appellaw lill-Gvern u lill-ERA sabiex ma jibqax għaddej b’dan l-isfreġju.
Is-siġar li l-bieraħ tneżżgħu mill-friegħi huma siġar tal-Fikus illi kienu ilhom snin sħaħ joffru dell u ħdura f’din il-pjazza mill-isbaħ; sabiex issa tneħħew bil-permess tal-ERA.


Dan ukoll wara xena ta’ qsim il-qalb ma’ inżul ix-xemx meta numru kbir ta’ għasafar li erħewla lejn il-pjazza biex jorqdu tul il-lejl f’dawn l-istess siġar, kif isir ta’ kull jum, iżda spiċċaw ma kellhomx fejn jistrieħu.
Dan l-isfreġju qed isir bħala parti minn proġett li issa ilu jkarkar xhur sħaħ. Bis-Sindku tal-Mosta kien wiegħed li sal-Milied ix-xogħol kollu kellu jkun lest, għalkemm ma jidhirx li dan se jkun qed isir sa dan il-perjodu. Bir-residenti u ħaddiema fil-Mosta se jkollhom iqattgħu xhur sħaħ oħra qalb l-istorbju u t-trabijiet.

Għada fis-6:30 pm, Moviment Graffitti qed torganizza protesta quddiem il-Kunsill Lokali tal-Mosta, protesta kontra dan l-isfreġju tas-siġar.
