Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

L-ISFREĠJU FIL-PJAZZA TAL-MOSTA: Tal-Labour spiċċaw iduru għal xulxin

Miriam Dalli titfa' 14-il post f'24 siegħa

Fl-aħħar sigħat, diversi esponenti tal-Partit Laburista ħarġu qatta’ bla ħabel jikkritikaw lill-Kunsill tal-Mosta, lill-ERA u lill-Ministru Miriam Dalli għall-isfreġju li qed iseħħ fil-pjazza tar-Rotunda. Dan wara li lbieraħ bdew jitneħħew is-siġar kollha li kien hemm fil-pjazza tal-Mosta.

Fost dawk li ħarġu pubblikament kontra l-mossa tas-Sindku Laburista Chris Grech hemm l-MEP tal-Labour Cyrus Engerer. Bil-messaġġ tiegħu ikun ċar: “Ħalluhom hemm”.

Anke s-Sindku Laburista tal-Qala qed jappoġġja s-sejħa biex is-siġar ma jitneħħux mill-pjazza – konferma li b’din l-aħħar storja, tal-Labour spiċċaw mill-ġdid iduru għal xulxin.

Miriam Dalli minn naħa tagħha użat b’saħħa il-media soċjali sabiex tipprova ittaffi is-sentiment qawwi li hemm kontriha, għaliex baqgħet fil-muta quddiem dan l-isfreġju tas-siġar. Fil-fatt, il-Ministru Dalli ppubblikat 14-il post fuq Facebook f’xejn anqas minn 24 siegħa sabiex tpinġi stamba sabiħa ta’ dak li suppost qed jagħmel il-Gvern għall-ambjent. Dan meta fil-verità, ir-realtà hija għal kollox differenti – mhux biss fil-Mosta, iżda anke f’lokalitajiet oħrajn madwar Malta u Għawdex.