Rapport internazzjonali juri li flok l-aqwa fl-Ewropa, Malta qegħdin l-aħħar f’dak li għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà tal-mediċini, inkluż għall-pazjenti bid-dijabete.
Minkejja l-ħafna wegħdiet fl-elezzjoni, il-pazjenti bid-dijabete f’Malta għadhom jittalbu biex ikollom il-mediċini li tant għandhom bżonn mill-gvern. Pazjenti li għandhom aktar minn 35 sena għadhom bla Continuous Glucose Monitors, waqt li l-pazjenti bid-dijabete tat-tip 2 mhumiex koperti għal mediċini ewlenin bħall-mediċini GLP-1(receptor agonists) li jipprevjenu komplikazzjonijiet ta’ saħħa u li huma fil-fatt koperti mis-sistemi tas-saħħa pubbliċi fil-bqija tal-Ewropa.
Il-kandidat Peter Agius, li diġà tkellem kemm il-darba dwar il-ħtieġa li l-mediċini tad-dijabete jingħataw b’xejn lill-pazjenti kollha f’Malta, saħaq li “Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ dijabete fl-Ewropa — aktar minn 10 % tal-Maltin iridu jgħixu bid-dijabete. Huwa tal-mistħija li nħallu aktar minn wieħed minn kull għaxra ta’ dawk għeżież tagħna mingħajr il- mediċini speċjalizzati li qed itejbu l-ħajja ta’ tant pazjenti madwar l-UE fejn il-mediċini tad-dijabete huma disponibbli fis-sistema tas-saħħa tal-gvern”.
Agius saħaq ukoll li ‘Fil-Jum Dinji tad-Dijabete qed nappella lill-Gvern biex jieħu d-Dijabete aktar bis-serjetà. Jekk naraw li jkollom il-mediċini moderni disponibbli, id-dijabete tista’ tkun ħafna anqas ta’ piż għal dawk li jridu jgħixu biha. Għal kuntrarju, mingħajr l-aċċess għall-mediċini moderni, id-dijabete f’Malta tista’ tkun kundizzjoni li tirriskjalek ħajtek.
“Irridu nagħmlu ħafna aktar f’Malta favur id-dijabetiċi. Id-data Ewropea turi li Malta qegħda l-aħħar fil-lista ta’ pajjiżi tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvista tal-mediċini mill-Gvern, fejn Malta għandek biss 6 % biss tal-mediċini koperti meta mqabbla mal-medja ta’ 45 % fil-kumplament tal-Ewropa.”.
Data komparattiva mill-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi fil-fatt turi li Malta qegħda fil-qiegħ tal-lista għad-disponibbiltà tal-mediċini ġodda fost l-istati membri tal-UE (ara t-tabella nru 1 fl-anness). Sena wara l-oħra, il-pazjenti Maltin qed isibu biss 10 % tal-mediċini l-ġodda li jsiru disponibbli fl-Ewropa kontinentali.
Is-sitwazzjoni hija agħar meta wieħed iqis liem minn dawn il-mediċini jingħataw b’xejn mill-gvern inkluż permezz tal-POYC u d-disponibbiltà tal-mediċini fl-isptarijiet. Ir-rapport WAIT (Waiting to Access Innovative Therapies) juri filfatt li filwaqt li l-Ewropa jkun hemm bħala medja 45 % tal-mediċini li jingħataw b’xejn, ir-rata ta’ Malta tinżel għal 6 % biss. (ara t-tabella nru 2 fl-Anness)
Malta hija wkoll l-aħħar pajjiż fl-UE li fih il-pazjenti għandhom aċċess għal mediċini ġodda, hekk kif iridu jgħaddu madwar erba’ snin qabel ma mediċini ġodda jaslu għand il-pazjenti f’Malta filwaqt li dan il-perjodu normalment huwa biss bejn sena jew 18-il xahar fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE. (ara t-tabella nru 3 fl-anness)
//= $special ?>