Raġel ta’ 47 sena mill-Qrendi miet traġikament wara li kmieni dalgħodu ttajjar fil-limiti taż-Żejtun.
Il-każ seħħ ftit qabel it-8am, fi Triq Tal-Barrani meta l-vittma intlaqat minn Toyota Vitz ta’ lewn abjad li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ 26 sena residenti n-Naxxar.
Fil-ħin tal-inċident, iż-żagħżugħ kien qed isuq fid-direzzjoni lejn iż-Żejtun, ftit qabel it-traffic lights.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament. Għalkemm aktar tard, il-Pulizija kkonfermaw li r-raġel kien tilef ħajtu.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Martin Farrugia li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>