Futbol Sport

Tingħata l-aħħar tislima lil Sir Bobby Charlton

(Ritratt: EPA)

F’Manchester ġurnata ta’ luttu fil-mument li sar il-funeral ta’ Sir Bobby Charlton, leġġenda ta’ Manchester United u tat-tim Nazzjonali tal-Ingilterra.

Sir Bobby Charlton miet fil-21 ta’ Ottubru fl-eta’ ta’ 86 sena. Fil-karriera ma’ Manchester United f’785 partita, Charlton skorja 249 gowl filwaqt li mat-tim nazzjonali skorja 49 gowl f’106 partiti.

Bobby Charlton kien wieħed milli salva meta l-ajruplan li kien fuqu t-tim ta’ Manchester United waqa’ fi Munich fis-6 ta’ Frar tal-1958 fejn kienu mietu 23 persuna. Waqt il-funeral spikkaw il-plejers żgħażagħ mill-akkademja ta’ Manchester United skjerati fit-triq biswit l-istadium ta’ Old Trafford.

Il-korteo intlaqa’ b’applawż minn numru kbir ta’ partitarji l-aktar fil-mument meta l-vettura bit-tebut ta’ Charlton għaddiet biswit l-istatwa magħrufa bħala The United Trinity bil-figuri tal-istess Bobby Charlton, Dennis Law u George Best kunsidrati bħala l-pedini ewlenin fit-tim ta’ Matt Busby li rebħu dak kollu possibbli bejn l-aħħar tas-snin 50 u fis-snin 60.