10,229 – Dan huwa n-numru ta’ edukaturi li kellna fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u tal-Privat matul is-sena akkademika 2021-2022.
Dan ħareġ minn ċifri li ġew ippublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn intqal li 69.8% tal-ħaddiema fil-qasam tal-edukazzjoni huma nisa. Minn dawn l-edukaturi 25.2% kienu għalliema fl-iskejjel tas-sekondarja għolja u l-livell post-sekondarju filwaqt li 24.1% kienu għalliema fil-livell terzjarju.
Ftit aktar minn nofs l-għalliema u l-istaff akkademiku fuq bażi full-time jinsabu fl-edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell, sekondarja tal-ogħla livell u post-sekondarja mhux terzjarja. Dan filwaqt li l-maġġoranza tal-għalliema u l-istaff akkademiku fuq bażi part-time – propju 80.7% – kienu jaħdmu fl-edukazzjoni terzajrja.
Apparti minn hekk, 16.5% tal-għalliema u staff akkademiku kellhom bejn it-30 u l-34 sena. Warajhom, kien hemm dawk ta’ bejn il-35 u d-39 sena. U allura, dan kollu jindika li n-numru ta’ persuni li qed jistudjaw għal edukaturi qed ikompli jonqos.
U minkejja li kien hemm żieda żgħira ta’ 498 edukatur fuq perijodu ta’ sena l-MUT xorta għadha tisħaq li hemm bżonn aktar investiment fl-għalliema, u rikonoxximent għal din il-professjoni.
Il-union qed tisħaq li l-għalliema jeħtieġu pagi aħjar , hekk kif matul l-aħħar snin ix-xogħol irdoppja kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni.
Kien għalhekk li wara li ma ntlaħaqx qbil dwar il-ftehim settorali l-ġdid, it-Tnejn li għadda daħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi kemm fl-iskejjel tal-Istat u anke tal-Knisja.
Fost l-azzjonijiet industrijali mħabbra kien hemm li l-għalliema fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja m’għandhomx jagħmlu laqgħat mal-ġenituri jew parents day, l-edukaturi m’għandhomx jippreżentaw lista ta’ attendenza tal-istudenti u m’għandu jkun hemm l-ebda kuntatt permezz ta’ komunikazzjoni online.
L-azzjonijiet industrijali jinkludu wkoll strajk ta’ ġurnata li mistenni jseħħ it-Tnejn 27 ta’ Novembru.
S’issa, il-Gvern għadu ma wasal għall-ebda qbil mal-MUT…bil-laqgħa li jmiss skedata għal nhar il-Ġimgħa li ġej.
//= $special ?>