Lokali

Abela ma jieħu ebda azzjoni… ifarfar fuq il-Kunsill Lokali tal-Mosta

Il-Prim Ministru Robert Abela spiċċa jfarfar fuq il-Kusill Lokali tal-Mosta hekk kif iddikjara bl-iktar mod ċar li d-deċiżjoni ta’ x’se jsir minn dawn is-siġar għandha tittieħed biss mill-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità.

Fl-ewwel reazzjonijiet tiegħu għall-isfreġju ambjentali li qed isir fil-Pjazza tal-Mosta fejn tqaċċtu numru ta’ siġar tal-fikus, Robert Abela qal bl-iktar mod ċar li mhux se jkun qed jieħu ebda deċiżjoni dwar dawn is-siġar iżda se jkun qed iħalli kollox f’idejn is-Sindku u l-Kunsilliera tal-Mosta … minħabba illi din id-deċiżjonijiet ittieħdet mill-istess kunsill.

Għalkemm fl-ebda ħin ma semma’ li l-aġenzija tal-Gvern, l-ERA, tat il-permess tagħha biex jitneħħew is-siġar miċ-ċentru tal-Mosta… b’Robert Abela jerġa’ jtenni li din hija deċiżjoni li jrid jieħu biss il-Kunsill Lokali tal-Mosta.

Is-siġar li tqaċċtu miċ-ċentru tal-Mosta biddlu kompletament l-estetika tal-pjazza tar-Rotunda. Dan apparti li kienu joffru kenn anke lil mijiet ta’ għasafar li kienu jorqdu f’dawn is-siġar – għasafar li fl-aħħar jiem spiċċaw mitlufin għax ma sabux fejn jistkennu. B’uħud minnhom saħansitra jmutu.

Intant, fl-aħħar sigħat, anke l-periti li ddisinjaw dan il-proġett qalu b’mod ċar li huma qatt ma kkunsidraw it-tneħħija tas-siġar tal-fikus. U li din il-mossa qatt ma kienet parti mill-pjanti oriġinali tagħhom.