Lokali Parlament

Ebda inizjattivi u investiment fil-ħarsien tal-annimali


Janice Chetcuti, PN


Id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti qalet li l-gvern ma daħħal ebda inizjattiva u ma għamel ebda investiment fil-ħarsien tal-annimali.


Fil-parlament Janice Chetcuti qalet li l-budget fih biss seba’ linji dwar il-ħarsien tal-annimali li jinkludu strateġija għall-ħarsien tal-annimali.


Dan wara li d-Direttorat ilu mwaqqaf 15-il sena. Proposta oħra hi li l-gvern jgħin lis-santwarji tal-annimali iżda m’hemmx speċifikat kemm se tkun l-għajnuna. Il-gvern qed jipproponi li jgħin fix-xogħol dirett lis-santwarji.


Id-deputat Nazzjonalista staqsiet jekk il-gvern jafx x’qed iseħħ hemm barra dwar il-ħarsien tal-annimali, inkluż fis-santwarji. Il-gvern mhux qed jagħti serħan il-moħħ dwar il-ħarsien tal-annimali għaliex mhux iwettaq l-azzjonijiet meħtieġa.


Janice Chetcuti qalet li l-PL kien għamel 11-il proposta dwar l-annimali fil-programm elettorali fosthom taċ-ċimiterju tal-annimali u r-rehoming centre.


Dwar iċ-ċimiterju tal-annimali, hi qalet li l-annimali li jmutu jintremew mal-iskart. Il-gvern qed jgħid li aloka €50,000 għaċ-ċimiterju tal-annimali, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-gvern lanqas iwieġeb il-mistoqsijiet dwar dan iċ-ċimiterju jew fejn se jsir.


Dwar ir-rhoming centre, Jance Chetcuti qalet li wara 10 snin, ix-xogħol lanqas biss għadu beda u m’hemmx sit identifikat. ir-razzett tal-Għammieri għandu xogħol partikolari u m’għadux ikun il-post fejn jinżammu l-annimali, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li dawn għandhom jinżammu f’rehoming centres. Fil-pajjiż hawn postijiet vakanti biex isir proġett state of the art u jkun ħarġa għall-familja flimkien ma’ annimali nodfa biex isiru iktar adozzjonijiet.


Hi tkellmet dwar l-isptar tal-annimali APH hi qalet li dan kellu jagħti għajnuna medika lill-annimali abbandunati iżda issa dan ingħalaq. Janice Chetcuti sostniet li l-gvern qed jinganna meta jgħid li dan ingħalaq minħabba xi ħsarat li ġarrab minħabba qtugħ fid-dawl.


Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-annimali li qed jinstabu mid-Direttorat tal-Annimali qed ikunu trattati fi kliniċi privati u staqsiet jekk dawn humiex miftuħa 24 segħa kuljum. Hi fakkret li ċ-Ċentru San Franġisk kien jopera 24 siegħa kuljum.


Dwar l-Annimal Welfare f’Għawdex, Janice Chetcuti qalet li ma jagħmilx sens li l-annimali Għawdex jaqgħu taħt ministeru ieħor u hux taħt dak responsabbli mill-ħarsien tal-annimali. Jirriżulta li m’hemmx

koordinazzjoni bejn il-ministeri involuti. F’Għawdex hemm problema kbria għaliex Animal Welfare Gozo mhi tiffunzjona tant li l-SPCA Gozo qed jappellaw għal soluzzjonijiet dwar x’qed jiġri bl-annimali misjuba. Jirriżulta li dan id-Direttorat m’għandux persuna li tieħu ħsieb u hemm nuqqas kbir ta’ riżorsi umani.


Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern qed jonqos lill-għaqdiet volontarji fejn fil-fondi mwiegħda tant li din is-sena għandhom ma kinux allokati fondi lil dawn l-għaqdiet. Hi qalet li l-annimali jiswew ħafna flus biex jinżammu.


Meta tkellmet dwar il-fosterers tal-annimali, hi qalet li dawn ilhom ma jitħallsu minn Jannar 2022.
Janice Chetcuti semmiet Animal Welfare Malta u kkritikat il-mod kif ċertu annimali jkunu trattati. Hi rrikonoxxiet lil dawk li qed jagħmlu xogħlhom sew u appellat biex dawn il-persuni jingħataw il-korsijiet neċessarji ta’ kif ikunu trattati l-annimali. Il-gvern kien wiegħed li se jibda l-kors tal-veterinarju fil-pajjiż iżda dan għadu ma bediex.


Il-PL kien wiegħed li l-kunsilli lokali jkunu mgħejjuna biex joħolqu iktar cat cafes iżda fir-realtà hemm min għandu santwarji tal-annimali u qed ikunu mhedda li jitkeċċew.