Il-qawwiet Iżraeljani fl-aħħar sigħat kienu qed iwettqu assedju fuq l-akbar sptar ta’ Gaza fost l-attakki ‘preċiżi’ biex jeliminaw lit-terroristi tal-Ħamas li biddlu dan il-kumpless f’bejta ta’ terrur minfejn jistgħu jmexxu l-azzjonijiet qattiela.
U filwaqt li n-Nazzjonijiet Uniti u entitajiet oħra ta’ fejda qed jappellaw kontinwament biex il-pazjenti fl-isptar ta’ al Shifa ma jispiċċawx fl-eqqel tal-gwerra, l-Iżraeljani qed ifissru l-kumpless bħala ‘il-qalb iħabbat tal-moviment terroristiku’.
Dan ukoll waqt li kelliema għall-Armata Iżraeljana sostnew li l-azzjoni fuq tal-Ħamas li qed jokkupaw sezzjonijet tal-isptar saret ‘neċessità militari’ anki minħabba l-fatt li l-pazjenti fis-swali kienu qed jintużaw bħala tarki umani mit-terroristi.
Eluf ta’ pazjenti, tobba u refuġjati Palestinjani ilhom ġranet sħaħ ‘iżolati’ fil-kumpless ta’ al Shifa u fl-aħħar sigħat kien hemm biża li huma jinsabu f’nofs l-isparaturi bejn it-truppi Iżraeljani li infiltraw l-isptar u t-terroristi li kienu qed jirreżistu b’fanatiżmu rari.
Fl-aħħar sigħat numru ta’ tankijiet u mijiet ta’ commandos tal-Armata Iżraeljani kienu qed javvanzaw fuq l-isptar inkwistjoni u fejn irriżultaw diversi battalji ma’ tal-Ħamas u bis-suldati anki jsibu moħbiet tal-armi fi skwali tal-kumpless fejn is-soltu jsiru l-operazzjonijiet mediċi.
Waqt il-konfronti nqatlu numru ta’ terroristi, bil-Ġenerali Iżraeljani jtennu, b’konvinzjoni, li l-kapijiet tal-Ħamas kienu qed jistaħbew f’bunker taħt l-isptar ta’ al Shifa….Sptar li sar simbolu tat-tbatija taċ-ċivili Palestinjani f’Gaza li qed imutu bl-għexieren.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li l-isptar qed jinbidel f’ċimiterju minħabba l-ammont qed jikber tal-katavri fil-kumpless u fl-artijiet ta’ madwaru. U waqt li l-Iżraeljani f’Gaza qed jaħtfu dejjem aktar ċentri ta’ amministrazzjoni minn idejn il-Ħamas, qed tiżdied il-biża’ dwar id-destin taċ-ċivili maqbudin fil-morsa tal-gwerra.
//= $special ?>