Lokali Parlament

Il-pajjiż m’għandux jiddependi żżejjed mill-ikel importat; irridu nsaħħu l-prodott lokali

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li l-pajjiż m’għandux jiddependi żżejjed mill-ikel importat; irridu nsaħħu l-prodott lokali.
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li il-baġit kien xott ħafna mal-bidwi, r-raħħal u s-sajjied. Aktar u aktar meta l-prezzijiet tal-materija prima, għalf, inġenji u mitt elf ħaġa oħra qed jogħlew kuljum. Dan l-baġit m’għandu l-ebda viżjoni fit-tul biex l-oqsma tal-agrikoltura u sajd jissaħħu u jimxu ‘l quddiem u b’hekk il-bdiewa, raħħala u sajjieda jibda jkollhom qligħ diċenti.

Id-deputat Nazzjonalista qal li jekk f’każ ta’ diżgrazzja jew xi pandemija l-importazzjoni tal-ikel tieqaf, kollox ikun jiddependi minn dawn is-settur ghall-produzzjoni lokali. Għalħekk għandhom ikunu attirati bdiewa żgħażagħ biex is-settur ma jmutx.

Toni Bezzina qal li hemm bżonn li dak kollu relatata mas-setturi tal-Agrikoltura u Sajd jkunu jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd. Il-burokrazija żejda mhux se twassal għas-sostenibbiltà tas-settur, sostna Toni Bezzina, li kompla li dawn is-setturi għandhom problemi kbar li jeħtieġ ikunu solvuti.

Ir-riforma fil-qasam tar-raba’ għandha tidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. Wara li l-gvern kien nieda White Paper, il-PN ressaq diversi osservazzjonijiet u proposti wara numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ diversi bdiewa u raħħala kemm f’ Malta kif ukoll f’Għawdex biex din r-riforma tindirizza diversi problemi li bdiewa u raħħala ġenwini qed jħabbtu wiċċhom magħhom. Għalkemm il-gvern ilu li ħareġ ir-rapport finali ta’ din il-konsultazzjoni kważi sena ilu, il-konkluzjoni prinċipali tieghu kienet li ma se jagħmel xejn qabel titwaqqaf l-Awtorità responsabbli mir-raba’.

Huwa fatt magħruf li l-bdiewa u r-raħħala tagħna huma l-gwardjani naturali tal-ambjet ta’ madwarna; individwi li l-professjoni tagħhom tagħmilhom ħaga waħda man-natura li minnha jridu jaqilgħu x’jieklu. Għalhekk, dawn il-persuni huma l-aktar nies kwalifikati biex jieħdu ħsieb u jsaħħu l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. Għalhekk irid jiġi assigurat li lill-bdiewa u r-raħħala nħeġġuhom ikompli jaħdmu fil-qasam agrikolu, anzi saħansitra għandna nattiraw nies ġodda jidħlu fil-qasam agikolu, partikolarment żgħażagħ.
L-istatus tal-bidwi għandu jiġi definit darba għal dejjem permezz ta’ klassifikazzjoni tal-bdiewa, fejn tiġi implimentata sistema ġusta kif tiġi kompjutata l-istandard output ta’ kull bidwi. Fil-konfront tal-bdiewa Għawdxin, peress li preżentament m’hemmx pitkalija kif wkoll irċevuti ta’ bejgħ ta’ prodotti agrikoli lill-privat ikunu meħudin in konsiderazzjoni biex jinħadem l-istandard output ta’ kull bidwi.
Ir-rwol prinċipali tal-Awtorità hi li jitnaqqsu il-burokraziji żejda u fl-istess ħin isservi ta’ intermedjarju mal-Awtorità tal-Ippjanar biex tgħin bdiewa ġenwini jottjenu permessi għal żvilupp ta’ strutturi agrikoli, tgħin lil raħħala jiksbu permessi għal rziezet tal-annimali u tara li applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal strutturi agrikoli u rziezet tal-annimali jkunu eżenti mit-tariffi tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Għalkemm il-kunċett tal-uzu tan-New Water huwa tajjeb, u cioe biex inserrħu l-ilma tal-pjan u jiġi wżat mill-ġdid ilma li jkun se jintrema’, għalkemm intefqu l-miljuni ta’ ewros minn fondi tal-Ewropa, hemm diversi lokalitajiet fejn dan l-ilma għadu mhux disponibbli. Agħar minn hekk, fejn hemm diġà n-network, dan għadu mhux jipprovdi ilma biżżejjed lill- bdiewa bir-riżultat li l-uċuħ tar-raba’ huma mejtin bil-għatx, apparti n-nuqqas ta’ dispensers.
Dan barra l-fatt li diversi toroq fil-kampanja li jwasslu għal għelieqi u rziezet li ngħataw wiċċ ġdid dawn l-aħħar xhur, se jerġgħu jkollhom jaqilgħuh mill-ġdid għax qabel ma ngħatalhom il-wiċċ ma ħasbux għan-network tan-new water. Apparti li dan se jwassal għal sparparjal ta’ miljuni ta’ ewros li setgħu ntefqu f’aktar għajnuna lill-bdiewa u r-raħħala, dan se jwassal wkoll għal inkonvenjent kbir għal min għandu r-raba’ u l-irziezet f’dawn it-toroq.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-bdiewa u raħħala għandhom jigu eżentati mit-taxxa fuq fuel uzat għall-attivita agrikola: b’hekk jitnaqqsulhom ftit mill-piżijiet li għandhom u nibdew nersqu lejn agrikoltura li trendi. Diġà hemm pajjiżi oħra fl-Ewropa li jgawdu minn tali eżenzjoni mit-taxxi fuq fuel għal użu agrikolu, fosthom, Franza, il-Polonja u Spanja.

Il-gvern dejjem ħarab li jikkonsulta ma’ min jirrappreżenta lis-sajjieda qabel ma jieħu d-deċiżjonijiet li jkunu se jaffetwar lis-sajjieda nnfushom. Minflok iddiskuta u ddeċieda flimkien mar-rappreżentanti tas-sajjieda kif se titqassam il-kwota tat-tonn, qabad u iddecieda waħdu u njora kompletament għal kollox is-suġġerimenti li għamlitlu il-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd.

Toni Bezzina qal li jispera li ma jsirx l-istess għal talba oħra li għamlitlu din il-Kooperattiva u cioe li binja li kienet tintuża minn kooperattiva oħra f’Marsaxlokk, tiġi trasferita lill-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd ħalli din il-Kooperattiva jkollha aktar spazju minn fejn topera.

L-unika proposta li għandu dan il-gvern b’ risq s-sajjieda żgħażagħ hi li ‘jagħti inċentiv lil sajjieda li għandhom aktar minn bastiment wieħed biex jimpjegaw magħhom sajjieda żgħażagħ. Għalkemm ‘on the short term’ din il-proposta tista’ tħalli xi frott, pero l-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ jaqilbu full time fuq il-baħar u jarmaw għal rashom fuq il-baħar, għandhom bżonn aktar għanjuniet. Barra minn hekk, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-Gvern għandu jikkunsidra li tidhol fis-seħħ rata ta’ taxxa fissa għas-sajjieda fuq il-qbid kollu tagħhom.