Lokali

“Il-PN jemmen f’ekonomija ta’ kwalità u ta’ eċċellenza” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen f’ekonomija ta’ kwalità u ta’ eċċellenza… ekonomija li tibbaża fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantità.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Erbgħa żar il-fiera mtellla’ minn Sigma… fiera li qed tilqa’ 500 partecipant minn madwar id-dinja kollha u li qed isservi biex is-settur tal-gaming jissaħħaħ permezz ta’ networking bejn kumpaniji li jinsabu Malta u anki lil hinn.

Mal-wasla tiegħu Bernard Grech intlaqa’ mill-Fundatur ta’ Sigma Eman Police kif ukoll mid-Direttur Clive Terribile fejn kellu l-okkażjoni li jiltaqa’ ma wħud mill-kumpaniji li qed jesebixxu s-servizzi tagħhom matul din il-fiera li tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ħamis.

Bernard Grech fakkar kif kien proprju Gvern Nazzjonalista li welled din l-industrija numru ta’ snin ilu.

Il-Kap tal-PN qal li avvenimenti bħal dawn huma importanti ferm għal pajjiżna għax iservu bħala promozzjoni għal kapaċitajiet anke tal-ħaddiema Maltin.

Bernard Grech tenna li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ċara għal pajjiżna… viżjoni li tibbaża fuq mudell ekonomiku li jagħti importanza lill-kawlità u mhux il-kwantità.

Preżenti għal din iż-żjara flimkien ma’ Bernard Grech kien hemm id-Deputati Nazzjonalisti Alex Borg, Jerome Caruana Cilia u Ivan Castillo.