Lokali

Il-PN se jibqa’ jaħdem sabiex verament kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar

Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jkompli jaħdem sabiex verament kulħadd ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar… fosthom anke l-persuni b’diżabbiltà u kif ukoll il-konsumaturi.

Waqt konfereneza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem għall-inklużjoni u l-volontarjat Graziella Galea qalet li f’dan is-settur pajjizna mexa ‘l quddiem però għad fadal fejn wieħed jista’ javvanza. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm iktar oppotunitajiet għal persuni b’diżabbiltà u jkunu mgħejjuna iktar sabiex jintegraw fis-soċjetà anke sa minn età żgħira.

Graziella Galea qalet li huwa importanti li jkun iktar faċli għal dawn il-familji li jingħataw benefiċċji u għajnuna mingħajr skariġġ żejjed. Kien hawn fejn aċċennat li għandu jkun hemm iktar persuni mħarrġa f’dan is-settur filwqt li jiżdied l-investiment fil-ħaddiema.

Hija tkellmet ukoll dwar il-bżonn li fil-gżira Għawdxija jkun hemm iktar servizz adegwat għal dawn il-persuni.  

Semmiet ukoll is-servizz ta’ assistenti personali… proposta li kienet parti mill-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista fejn hawn ukoll għandu jiżdied il-fond allokat għal dan is-servizz.

Graziella Galea saħqet li fil-Budget li ppreżenta l-Gvern ma kienx hemm żieda fil-‘carers grant’. Dan filwaqt li tkellmet dwar kemm huwa importanti li l-LSE’s ikollhom kundizzjoijiet tax-xogħol li verament jixirqilhom.

Apparti dan kollu, f’pajjiżna għandu jkun hemm iktar aċċessibbiltà għal dawn il-persuni fost l-oħrajn fil-proġetti infrastrutturali li jinsabu għaddejjin bħalissa. Dan filwaqt li għandha titnaqqas it-taxxa ghal min jagħmel xoghol volontarju.

Id-Deputata Nazzjonalista tkellmet ukoll  dwar abbużi li qed isiru fis-servizz tal-‘blue badge’, fejn il-Gvern għandu bżonn idaħħal iktar miżuri fejn min jabbuża minn dan is-servizz ikun immultat.

Graziella Galea semmiet kif bħalissa diġà jeżistu numru ta’ ‘one stop shops’, però pajjiżna għandu jkollu pjan kif suppost fejn dawn il-‘one stop shops’ ikunu mifruxa madwar Malta u Għawdex kollha.  

Min-naħa tagħha l-Kelliem għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur Rebekah Borg tkellmet dwar l-ikbar sfida li ta’ kuljum jaffaċċja kull konsumatur, dik tal-għoli tal-ħajja.  

Hija qalet li s-sussidju li ta l-Gvern huwa soluzzjoni ‘short term’ u għalhekk pajjiżna għandu bżonn pjan fit tul f’dan ir rigward.

Rebekah Borg fakkret kif minkejja l-appelli li saru lill-Gvern kemm mill-Unions kif ukoll mill-Korpi Kostitwiti, xorta se jibqa’ jintaxxa l-COLA… fejn dan l-impatt se jinħass l-iktar minn negozji tant li qed jispiċċaw joħorġu iktar flus u konsegwenza ta’ dan qed jgħolew il prezzijiet.

Dwar is-sostenibbiltà, hija qalet li l-konsumatur għandu drittjiet b’saħħithom iżda għandu wkoll responsabbiltà li jkun parti mit-tibdil li jgħin iktar fit-tibdil tal-klima.

Rebekah Borg tkellmet ukoll dwar is-settur tas-saħħa u anke dak tal-enerġija fejn anke hawn il-konstumatur għandu dritt li jkollu l-aqwa servizz.