Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Diżgwid kbir fost il-Konservattivi, bil-Prim Ministru Sunak ‘taħt akkuża’

Il-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, jista’ ‘il quddiem ikun suġġett għal kampanja biex jitneħħa minn Kap tal-Partit Konservattiv f’każ ta’ telfa fl-elezzjoni ġenerali tas-sena d-dieħla fir-Renju Unit.

Din il-possibbiltà qed tikber meta Suella Braverman –- li jiem ilu tkeċċiet minn Segretarja għall-Intern bħala parti minn reshuffle tal-Gvern – beħsiebha tikkomplika l-affarijiet għal Sunak u fejn għandha wkoll l-appoġġ ta’ deputati Konservattivi oħrajn.

Braverman,  issa, qed tiftaħ il-kanuni kollha fuq il-Prim Ministru, fost l-akkużi li hu tradixxa lilha u lil pajjiżu. Dan waqt li Sunak qed jgħid li l-bidliet li wettaq fil-Gvern għandhom jaċċertaw li jintlaħqu t-tragwardi fuq livell nazzjonali.

Qabel spiċċat backbencher fil-House of Commons, Braverman kienet qed timplimenta liġijiet kontroversjali fir-rigward tal-immigrazzjoni u fost kampanja li mexxiet biex fit-toroq ta’ Londra ma jisirux dimostrazzjonijiet ‘ta mibgħeda’ fil-konfront ta’ Iżrael.

It-tkeċċija ta’ Braverman minn Sunak kienet ikkonfermata wara li deher artiklu – mhux awtorizzat – f’gazzetta li fiha hi akkużat lill-pulizija Britannika b’li qed tuża ‘kejl differenti’ mad-dimostranti favur il-Palestinjani f’Londra… Dimostranti li qed ikunu permessi li jaqbżu kull limitu aċċettabbli fost l-għajjat kontinwu għal ‘ġiħad’ (gwerra qaddisa) kontra l-Lhud.

Għalkemm Braverman baqgħet kwieta mal-aħbar tat-tkeċċija mill-Kabinett, hi ma żammitx lura minn kundanna assoluta għal Sunak fl-ittra ta’ riżenja. Hi akkużat lill-Prim Ministru b’li tradixxa l-wiegħda biex isir minn kollox għat-trażżin tal-immigrazzjoni illegali u meta l-pajjiż, fl-aħħar sigħat, kien qed jistenna digriet mill-Qorti Suprema dwar jekk il-Gvern jippersistix bil-pjan ħalli jiddeporta lill-persuni li qed ifittxu kenn politiku lejn ir-Rwanda.

Suella Braverman qalet ukoll li Sunak kiser kelmtu wara li wiegħedha li kellha sservi taħtu bħala Ministru filwaqt li kritikatu talli ‘il-pjani għall-pajjiż mhumiex jirnexxu’ u talli l-Partit Konservattiv fil-Gvern sofra sensiela ta’ telfiet rekord fl-elezzjonijiet lokali – u mingħajr ma jibdel id-direzzjoni preżenti.

Fl-istess ħin, Braverman ikkritikat lil Rishi Sunak għal kif hu ikkontrolla l-protesti favur il-Palestinjani u li ma semax minnha meta hi insistiet biex id-dimostrazzjonjiet ma jsirux. L-eks-Segretarju kompliet li f’din is-sitwazzjoni, il-Prim Ministru ħareġ bħala ‘dgħajjef, inċert u nieqes mill-kwalitajiet għal  Mexxej li l-pajjiż tassew jixraqlu’.