Lokali

Lvant Nofsani: Il-Hamas qed jikkrolla, bit-truppi ta’ Iżrael jisplodu l-bini tal-Parlament f’Gaza

Il-konflitt ta’ Gaza issa qabeż sew l-40 jum fost indikazzjonijiet li t-tmexxija tal-Hamas f’Gaza — li ilha mill-2007 — qed tikkrolla b’mod regolari jum wara jum.

Il-qawwiet Iżraeljani li rnexxielhom jaħtfu l-kontroll tal-bini tal-Parlament tal-Hamas issa tajjru dan il-bini bl-isplussivi f’daqqa ta’ ħarta oħra għat-terroristi responsabbli mill-massakri storiċi tal-familji Iżraeljani li kaġunaw din il-gwerra.

Iżrael qed jaħseb biex jelimina darba għal dejjem il-preżenza tat-terroristi fl-inħawi u meta l-Belt ta’ Gaza tinsab kważi kollha kemm hi f’idejn it-truppi Iżraeljani appoġġjati mit-tankijiet, vetturi armati, ajruplani tal-gwerra u bulldozers.

Il-qerda tal-bini tal-Parlament tal-Hamas seħħet wara li l-Brigata Golani — magħmulha minn commandos Iżraeljani — okkupat il-kumpless u fejn il-commandos ippużaw bil-bnadar ta’ pajjiżhom f’dimostrazzjoni oħra ta’ suċċess militari.

Anki l-kwartieri ewlenin tal-pulizija f’Gaza spiċċaw okkupati mill-militar Iżraeljani – bil-Ministru tad-Difiża ta’ Iżrael, Yoav Gallant, jisħaq li t-terroristi ma jistgħu jagħmlu xejn quddiem l-Armata li qed tavvanza fuq il-fronti kollha,

Iżrael fil-fatt qed jistqarr diġà li l-Hamas tilfu l-kontroll f’Gaza, bit-terroristi qed jaħarbu lejn l-artijiet tan-nofsinar. Iċ-ċivili Palestinjani, issa, qegħdin jidħlu fil-bażijiet abbandunati mill-Hamas u minfejn qed jieħdu magħhom ikel u affarijiet essenzjali li t-terroristi kienu qed jiċħduhom minnhom.