Żagħżugħ ta’ 24 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin u ġie ordnat jagħmel 40 siegħa xogħol fil-komunità wara li kellu relazzjoni sesswali ma’ tfajla taħt is-16-il sena u li ħariġha tqila. Hu kien jgħix fl-istess residenza ta’ ommha u li l-koppja kienu bnew relazzjoni flimkien.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, il-Pulizija qalet li f’Ġunju, 2019, irċeviet rapport mingħand psikoloġista forensika fl-Aġenzija Appoġġ fis-sezzjoni tal-protezzjoni tat-tfal. L-informazzjoni li ngħatat il-pulizija kienet li tfajla ta’ 15-il sena kellha relazzjoni sesswali ma’ żagħżugħ, li dak iż-żmien kellu 21 sena u kienet ħarġet tqila.
It-tfajla eventwalment kienet korriet. Il-psikoloġista qalet li t-tfajla bdiet tfalli l-iskola b’mod regolari. Il-pulizija xhud kompla jgħid li skopra li l-imputat u t-tifla kienu jgħixu fir-residenza t’omm it-tifla. Tenna li fl-2020 kien kellem lill-akkużat, li qallu li kien f’relazzjoni mat-tifla u li dak iż-żmien kien għaddej perjodu mhux stabbli magħha.
Kien il-ġuvni li qallu li m’għandux tarbija magħha u dan għax wara li kienet tqila u spiċċat biex korriet. Meta nqabdet tqila kellha 15-il sena u li bdew ikollhom x’jaqsmu ma’ xulxin sesswalment xi erba’ xhur wara li bdew joħorġu flimkien, jiġifieri ta; età ferm aktar tenera.
Fil-Qorti nstema’ li ż-żagħżugħ kien jagħmel ukoll użu mill-cannabis u qatt ma ġie riferut għal xi għajnuna. Ħareġ li kien ilhom erba’ snin flimkien u li kull darba li jkolhom argument jisfaxxaw fix-xejn u li ma kienx ikun hemm vjolenza involuta. Intqal li l-argumenti kienu jiżvolġu minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja li ż-żewġ naħat ikollhom lejn xulxin. Intqal li għandhom ix-xewqa li jkollhom it-tfal.
Madankollu, t-tfajla xehdet li huma għadhom flimkien u li tixtieq twaqqa’ l-kawża. Il-Qorti, ddikjarat li m’hemmx dubju li r-relazzjoni sesswali kienet waħda kunsenswali mingħajr ebda abbuż. Innotat li t-tfajla kien fadlilha xahrejn biex tagħlaq 16 u li bejniethom kien hemm differenza ta’ sitt snin.
Qieset ukoll li l-parametri tal-età u tal-maturità hija waħda aċċettabbli u viċin u għalhekk mhux se tagħti piena ta’ ħabs. Wara li nstab ħati, l-Qorti ordnat liż-żagħżugħ jitpoġġa taħt ordni ta probation għal tliet snin u jagħmel 40 siegħa ta’ servizz fil-komunità.
//= $special ?>