“Rebaħ is-sens komun, fuq l-arroganza”.
Dan kien il-kliem ta’ diversi residenti Mostin li nġabru fil-Pjazza Mostija l-Erbgħa filgħaxija, f’dik li kienet ċelebrazzjoni tar-rebħa li kisbu diversi attivisti u residenti Mostin.
F’ċelebrazzjoni li kienet ukoll protesta, msejjħa mill-Moviment Graffitti, ħareġ ċar is-sens ta’ diżappunt u rabja li għandhom ir-residenti tal-Mosta għal-kunsill lokali u s-Sindku Laburista Chris Grech.
Hekk kif f’din il-protesta, tkellmu numru ta’ residenti Mostin….fejn fid-diskors tagħhom kollha appellaw għal awtoritajiet li jiffunzjonaw, li jħarsu l-ġid taċ-ċittadini u l-ambjent ta’ madwarna…..u mhux lin-nies tal-qalba.
Il-Moviment Graffitti u r-residenti kkundannaw ukoll l-aġir tal-ERA, l-awtorità ambjentali illi suppost tissalvagwardja l-ambjent, iżda li din id-darba aċċettat illi jsir dan it-tqaċċit ta’ siġar tal-ficus, illi huma protetti mil-liġi.
Dan kollu jiġi wara li matul il-jum tat-Tlieta, 12-il siġra tal-ficus kienu se jitqaċċtu mill-pjazza tal-Mosta sabiex jitkompla l-proġett li ilu għaddej għal xhur sħaħ. Deċiżjoni li issa ġiet irtirata mill-Kunsill Lokali wara li numru ta’ protestanti nġabru fil-pjazza tal-Mosta fejn saħansitra kien arrestat wieħed minnhom.
Issa, il-Moviment Graffitti u bosta residenti Mostin qed jitolbu li tintrefa ir-responsabbiltà ta’ din id-deċiżjoni inġusta mis-Sindku Laburista Chris Grech, filwaqt li l-għaqda appellat illi ssir riforma fl-awtorità ambjentali tal-ERA, hekk kif din l-awtorità falliet milli tagħmel xogħola u tipproteġi l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
//= $special ?>